Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mhux qed jirrikonoxxi l-proġetti infrastrutturali li saru, li qed isiru u li ser jibqgħu isiru fis-snin li ġejjin. Dan joħroġ mid-diskors li għamel fuq ir-radju tal-partit nazzjonalista fejn qabbel lil Malta ma’ pajjiż tat-tielet dinja.
Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia prova jnissel biża fost il-ġenituri fejn akkuża lill-Gvern li qed jikkalpesta l-edukazzjoni.
Delia nesa jgħid kif ftit tal-jiem ilu, mitt tifel u tifla tal-kindergarten huma fost l-ewwel studenti li żanżnu l-iskola primarja ġdida ta’ Wied il-Għajn. Proġett li sewa mas-seba miljun ewro. B’referenza għal Pre Fabricated Class Rooms, dawn huma attrezzati bl-aqwa apparat u qegħdin joffru ambjent ta’ tagħlim xieraq u sigur; filwaqt li jkompli jiġi ffinalizzat il-bini tal-iskola primarja tal-Qawra.
Apparti minn hekk, interessanti l-fatt kif il-Partit Nazzjonalista attakka s-sistema li nieda dan il-Gvern dwar it-trasport b’xejn għall-iskejjel – fejn akkuża lil Gvern, li huwa moħħu biss f’din il-ħaġa.
B’referenza għall-kontijiet tad-dawl, Adrian Delia nesa li kien il-partit tiegħu stess li kien għolla l-prezzijiet b’tali mod li kienu qegħdin jissalbu l-familji Maltin u Għawdxin.
Għal darb’oħra Delia tenna li l-Prim Ministru Joseph Muscat irid li jmutu l-anzjani- meta kien dan il-Gvern stess li kompla jżid l-allokazzjoni ta’ fondi fil-pensjonijiet għal ħames snin wara xulxin kif ukoll neda sistema ta’ tfaddil li jrendi imgħax aħjar minn dak li qegħdin joffru l-banek. Miżuri li qed juru biċ-ċar li l-Gvern jrid ikompli jtejjeb il-kwalita’ ta’ ħajjiethom anke permezz tas-surplus – fejn min-naħa l-oħra, Delia qiegħed jistaqsi fejn qiegħed is-surplus.
Sadanittant, fi stqarrija, l-Partit Laburista semma kif Adrian Delia m’għandux ħjiel dwar dak li għaddej f’pajjiżna. Bil-Kummissjoni Ewropea tbassar li pajjiżna ser ikollu l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa- fl-istess jum li l-Gvern ħabbar li ser jibda x-xogħol fuq il-proġett ta’ ħamsin miljun ewro għal housing soċjali sabiex jinbnew ħames mitt unit ġdid.
Il-Partit Laburista semma kif għal sena oħra, l-Gvern ta lura lill-ħaddiema festa pubblika oħra li kienet insterqu mill-Partit Nazzjonalista. Huwa tassew każ li Delia tant hu mhedi fl-inkwiet intern li għandu, li lanqas għandu idea x’qed jigri f’Malta- fejn il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi mexjin il-quddiem, temmet tgħid l-istqarrija.