Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg żvela fil-Parlament li 60 sena ilu, l-amministrazzjoni Nazzjonalista mmexxija minn George Borg Olivier kienet uriet il-ħtieġa li f’Ħ’Attard ssir triq simili għas-Central Link, proprju minn fejn illum hemm l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji sa Wied Inċita.
Il-Ministru Borg żvela dan waqt li kien qiegħed jagħlaq id-diskussjoni dwar l-estimi finanzarji tal-ministeru għall-Infrastruttura. Huwa qal li l-problema tat-traffiku fir-rotta ewlenija fiċ-ċentru tal-pajjiż li llum jgħaddu minnha aktar minn 30,000 ruħ kuljum, ilha tinħass għexieren ta’ snin…. mill-inqas għal dawn l-aħħar 60 sena.
Qal li prova ta’ dan huwa l-pjan lokali li kien sar fis-sittinijiet fi żmien Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Borg Olivier. Innota li l-pjan lokali ta’ dak iż-żmien diġà kien juri l-ħtieġa ta’ din it-triq.
Fakkar li dan reġa’ ġie kkonfermat fil-Pjan Strutturali tad-disgħinijiet fi żmien amministrazzjoni oħra Nazzjonalista, din id-darba ta’ Eddie Fenech Adami.
Il-Ministru Borg qal li għalkemm baqa’ ma sar xejn u l-problema tħalliet tiggrava, l-ironija hi li waqt li 60 sena ilu, l-ex Kap Nazzjonalista George Borg Olivier kien wera li dan tal-inqas kellu viżjoni għal Ħ’Attard li ġiet imġedda mis-suċċessur tiegħu, illum, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-Viċi Kap tiegħu David Agius ħarġu jopponu akkost ta’ kollox is-Central Link Project bla ma pproponew ebda soluzzjoni għax m’għandhom l-ebda viżjoni għall-pajjiżna.