Disat ijiem wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab għas-sospensjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil mill-Partit Nazzjonalista, Delia qal li m’għandu l-ebda ħsieb li jibda xi proċedura interna fil-konfront ta’ Busuttil dwar il-kalunja fuq il-Prim Ministru u martu.
Fi stqarrija tard it-Tnejn filgħaxija, Delia qal li dan kien se jiġi konfermat mill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit, l-istess kunsill li talab għas-sospensjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
B’rezzjoni, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li għamel tiegħu l-allegazzjonjiet foloz fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Mucsat u martu, laqa’ d-deċiżjoni ta’ Delia li jmur lura mid-deċiżjoni li jissospendih mill-Partit.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ one.com.mt li Delia kellu jċedi wara li fost oħrajn kien iffaċċjat b’ittra ta’ 16-il Membru Parlamentari li qalulu li ma jaqblux li Simon Busuttil ikun sospiż.
Jirriżulta li kienet din l-ittra l-iktar li influwenzat lil Adrian Delia. Fil-fatt, anke meta l-proċess ta’ medjazzjoni kien diġà beda għaddej, xorta ddikjara li se jibqa’ għaddej bid-deċiżjoni tiegħu.
Iżda, id-deputat Karol Aquilina dawwar ittra li ffirmawha dawk li fl-aħħar jiem bdew jiktbu #notinmyname u #strongertogether u din l-ittra kisbet appoġġ ta’ ħafna. Tant, li Adrian Delia spiċċa jibża’ li jitlef l-appoġġ fil-Parlament.
Fil-fatt nies madwar Delia huma ddiżapuntanti kif din il-mossa baqgħet għaddejja anke waqt il-medjazzjoni u finalment kienet determinanti biex Delia ċeda l-armi u għaddiet ta’ Simon Busuttil.
Intant fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li b’dan il-pass Adrian Delia issa għamel tiegħu ukoll il-gidba dwar Egrant u mil-lum ‘il quddiem anke hu għandu xi jwieġeb dwar dan il-frame up.
Qal li għal iktar minn darba, Delia ddikjara r-raġunijiet għaliex Simon Busuttil kellu jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista, u qal li Busuttil kellu jieħu dan il-pass wara li l-Partit Nazzjonalista bbaża l-aħħar kampanja elettorali fuq din il-gidba. Skont Delia, dan kellu jsir għax kieku l-Partit Nazzjonalista ma kienx ikun kredibbli.
Peró, fl-aħħar mill-aħħar il-Kap Nazzjonalista spiċċa ċeda għall-pressjoni biex għal darb’oħra ħareġ biċ-ċar li kważi sena wara li nħatar Kap Adrian Delia m’għandux l-awtorità li jmexxi fil-Partit Nazzjonalista.