Id-Deputat u eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed imeri lilu nnifsu dwar dak li kien qal dwar l-establishment Nazzjonalista lura meta kienu fil-proċess biex iqaċċtuh mit-tmexxija tal-istess Partit Nazzjonalista.
Dan ħareġ ċar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, indirizzata primarjament mill-istess Delia.
ONE News staqsa dwar l-establishment fil-Partit Nazzjonalista ftit jiem wara li Delia konvenjentement biddel id-diska li kien idoqq ftit ta’ snin biss ilu.
Għall-ewwel ipprova jdur mal-mistoqsija u qalilna hekk.
Qal, “Aħna qed ngħixu fiż-żminijiet tal-lum.”
Madankollu hekk kif Delia sfida lill-ġurnalist biex isemmagħlu dak li kien qal dwar l-establishment fil-Partit Nazzjonalista. Iżda meta l-ġurnalist ta’ ONE News kien se jilqa’ din l-isfida, Delia malajr dawwar diskorsu.
Fost oħrajn, ftit ta’ snin ilu, Delia kien qal hekk dwar l-establishment Nazzjonalista …
Qal, “Kont wieħed minn dawk li għedt diversi drabi li hemm establishment fil-Partit Nazzjonalista.”
Minkejja dan id-diskors fl-aħħar snin, il-kandidata Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri, b’Adrian Delia eżatt maġenbha, qaltilna li l-establishment mhuwiex il-Partit Nazzjonalista.
Qalet, “Il-Partit Nazzjonalista diġà kkjarifika diversi drabi li l-establishment mhuwiex il-Partit Nazzjonalista.”