Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li l-pożizzjonijiet tal-Oppożizzjoni matul il-pandemija kienu konsistenti.
Meta kien mistoqsi:“Temmen li matul il-pandemija l-pożizzjoni u r-reazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, one kienet waħda konsistenti u kienet waħda korretta, fid-dawl tal-iżviluppi li kienu qegħdin isiru?”
Delia wieġeb: “Iva nemmen.”
Iżda mbagħad meta mistoqsi dwar meta qabad u sejjaħ għal-lockdown, anki jekk kontra l-pariri tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, Delia qal li hu qatt m’għajjat lockdown: “Il-kelma total lockdown qatt qatt ma ntqalet.”
Din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni tmur il-kontra ma’ dak li kien qal f’Marzu.
Delia kien qal: “B’saħħa tgħid u tħeġġeġ lil-Gvern biex f’pajjiżna titieħed id-deċiżjoni tal-lockdown illum qabel għada.”
Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mbagħad saħaq li l-Gvern kien insensittiv fil-qasam ekonomiku u soċjali: “Dal-Gvern, l-iktar fil-parti ekonomika u fil-parti soċjali kien insensittiv.”
Delia li beda jagħti l-marki lill-Prim Ministru u lill-Ministri qal dan id-diskors lejlet pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li se jkompli jinċentiva l-bżulija u jgħin lill-familji u n-negozji.
Id-dikjarazzjoni tiegħu tikkuntrasta bil-kbir ukoll mal-għajnuniet li ta l-Gvern fost l-oħrajn fil-ħlasijiet tal-pagi tal-ħaddiema , tant li dawn l-għexirien ta’ miżuri ġew deskritti bħala l-aqwa pakkett t’għajnuna fid-dinja minn università rinomata fl-Amerka.
Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni infexx jattakka l-inkjesta Maġisterjali li sabet li la l-Prim Ministru u lanqas l-armata ma kienu involuti fi qtil ta’ immigranti.
Fi kliemu, l-inkjesta tlestiet b’ħeffa.
Meta kien mistoqsi: “X’inhi r-reazzjoni tiegħek għall-inkjesta?”
Delia wieġeb: “Ir-reazzjoni tiegħi hija loġika li l-Qrati tagħna huma l-awtorità li jiddeċiedu li jkun hemm imputazzjonijiet bħal dawn. Ħasra li l-Qrati tagħna ma jiddeċiedux b’daqshekk ħeffa wkoll imputazzjonijiet oħra serji.”
Delia qal dan filwaqt li ddefenda lill-kelliem tiegħu għall-ġustizzja Jason Azzopardi li baqa’ ma talbux biex jerfa’ r-responsabilità politika anzi ddikjara li m’għandux jerfa’ responsabilità għall-aġir tiegħu fejn għamel allegazzjonijiet li ma kinux imsejsa fuq provi.