Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex mifrud u l-firda fil-partit hija biss perċezzjoni.
Delia qal dan f’intervista fuq ir-Radju tal-Knisja wara li tmint ijiem ilu bagħat messaġġ lill-membri tal-Kunsill Amministrattiv, jiddikjara gwerra u qal li lest għal kull konfrontazzjoni ma’ dawk li sejjaħ bħala tradituri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Iżda l-firda li teżisti fil-Partit Nazzjonalista fakkruh fiha d-Deputati Nazzjonalisti, li ma’ The Malta Independent, għal darba oħra wrew it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
L-Independent irrappurtat li sal-Ħadd kienu nġabru għadd ta’ firem mid-Depuati Nazzjonalisti, sabiex ifakkru lil Adrian Delia, li l-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija tal-partit m’għadhiex aktar tenibbli. Fosthom minħabba l-fatt, li qiegħed jiffaċċja allegazzjonijiet b’rabta ma’ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni. B’numru ta’ Deputati Nazzjonalisti lesti li jivvotaw favur mozzjoni li tisfiduċjah.
Meta kien intervistat fuq ir-radju tal-Knisja, Delia għamel dikjarazzjoni surreali għax qal li huwa ma jkunx jaf meta se jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari. Qal li m’għandu l-ebda problema li jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari, anke jekk it-Tnejn, id-Deputati Nazzjonalisti marru l-Parlament bla ma ltaqgħu bħala grupp.
Madnkollu bil-kundizzjoni li jibqa’ anonomi, Deputati Nazzjonalisti qalu lill-Malta Independent li talbu laqgħa tal-Grupp Parlamentari sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni ta’ Adrian Delia, qabel ma jerġa jiftaħ l-Parlament. “Iżda t-talba tagħna ġiet miċħuda”, qalu d-Deputati Nazzjonalisti li tkellmu mal-Independent. L-Independent irrappurtat ukoll li ġiet miċħuda talba sabiex jitlaqqa’ l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal li Delia mhuwiex jirrifjuta li jagħmel dawn il-laqgħat. Dan minkejja li baqgħu ma tlaqqgħux la l-Grupp Parlamentari u lanqas il-Kunsill Amministrattiv. Bil-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista David Stellini qal li l-ħsieb huwa li ssir l-laqgħa din il-ġimgħa.
Ma’ The Times of Malta, id-Deputati Nazzjonalisti wkoll esprimew t-tħassib tagħhom li minkejja li t-Tnejn reġa’ beda jiltaqa’ l-Parlament, huma baqgħu fid-dlam u ma kellhom l-ebda laqgħa tal-Grupp Parlamentari, anke biex ikunu jafu x’pożizzjoni se jieħdu fuq temi li se jiddiskuti l-Parlament.
Qalu wkoll li kulma rċivew kien messaġġ mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar dwar kif se jitkellmu fid-dibattitu li sar it-Tnejn fil-Parlament. It-Times of Malta rrappurtat ukoll li Adrian Delia qiegħed jibza’ jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari, minħabba li ħafna mid-Deputati Nazzjonalista jemmnu li għandu jwarrab minn Kap u lesti jisfiduċjawh.