L-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia tela’ fuq il-pedana tax-xhieda fil-Qorti u ċaħad li aġixxa b’mod mhux xieraq dwar pagament li d-ditta legali tiegħu rċeviet mill-eks klijent Boris Arcidiacono.
Delia rrakkonta li hu u Arcidiacono ħarġu flimkien jieħdu x-xampanja biex jiċċelebraw wara li ffirmaw ftehim bankarju dwar self.
Adrian Delia ttella’ l-Qorti biex jixhed f’każ li fetaħ Arcidiacono fejn akkuża lill-bank HSBC li ħalla lil Delia jitlob miżata ta’ sitta u tmenin elf, mitejn u għaxar ewro mill-faċilita tas-self li għandu mal-HSBC.
Arcidiacono allega li din l-azzjoni kienet f’kollużjoni mal-bank u għaldaqstant fittex lill-bank għall-pagament li hu qed jgħid sar mingħajr il-kunsens tiegħu.
Lura f’Ġunju tal-elfejn u disgħa, Arcidiacono ssellef tmien mitt elf ewro mill-bank sabiex ikun jista’ jindirizza d-djun u materji jirrelataw ma’ tilwim fuq propjetà u Delia li kien l-avukat tiegħu matul in-negozjati, talbu miżata ta’ mija u għoxrin elf ewro jekk Arcidiacono jikseb is-self mill-bank.
Ġara li Arcidiacono rrifjuta li jħallas u sussegwentament akkuża lil Delia li qed jipprova jagħmel sabutaġġ.
Quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale, Delia qal li kien hemm ftehim hekk magħruf bħala retainer agreement u wara li dan il-ftehim kien terminat, kien għad baqa’ ammont kbir ta’ xogħol xi jsir.
Delia fil-Qorti saħaq li hemm kollox dokumentat u qal li d-ditta legali tiegħu qatt ma talab ħlas għall-istess ħaġa darbtejn.
Meta kien mistoqsi mill-Imħallef, Delia wieġeb li ċ-ċekk ta’ sitta u tmenin elf ewro kien inkiteb fl-istess ġurnata li sar il-ftehim mal-bank u l-irċevuti kienu ngħataw ħamsa u għoxrin ġurnata wara li l-kuntratt kien iffirmat.
Delia qal li l-ammont tal-miżata ta’ suċċess kienet miftehma mal-klijent tul il-negozjati iżda ma setax jiftakar x’intqal matulhom filwaqt li ammetta li ma tax dokumenti lill-bank biex jiġġustifika l-miżata.
L-avukat ta’ Arcidiacono ssuġerixxa li ċ-ċekk inkiteb għal Delia u kien depożitat fil-kont tal-klijenti personali, azzjoni li Delia qal li ma hemm xejn ħażin fiha.