L-attitudni li reġa’ beda jieħu l-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, reġgħet ħolqot firda kbira fil-Partit Nazzjonalista.
B’Simon Busuttil u l-klikka tiegħu komplew bl-attakki, li bihom firdu aktar lill-partit.
It-Tlieta filgħaxija Simon Busuttil għamel diskors fil-Parlament, iżda x’ħin beda jitkellem, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u d-deputati tiegħu telqu ’l barra mill-Parlament.
Dan wassal għal reazzjoni u ġlied fil-Partit Nazzjonalista bejn in-nies tal-fazzjoni ta’ Delia u nies tal-fazzjoni ta’ Busuttil.
Partitarju ta’ Simon Busutill, li kienet fil-gallarija tal-Parlament sabiex tagħti l-appoġġ lil Busuttil – kitbet li rat lil Delia joħroġ mill-plenarja eżatt qabel ma Simon Busuttil beda jitkellem.
Partitarju ieħor mill-fazzjoni Busuttil qal li l-ex kap nazzjonalista qed jagħmel xogħol fantastiku u talbu sabiex jerġa’ jmexxi hu lill-partit. Dan il-partitarju kiteb li l-Partit Nazzjonalista għandu bzonn mill-ġdid lil Simon Busuttil bħala Kap. Filwaqt li qal lil Adrian Delia biex jitlaq mit-tmexxija tal-partit.
Mill-ewwel irreaġixxew in-nies ta’ Delia.
Partitarju ta’ Delia kitbet li Adrian Delia huwa l-Kap u se jibqa’ jmexxi lil Partit Nazzjonalista.
Kiteb ukoll partitarju ieħor li qal li Delia ġie elett b’mod demokratikku u reġa’ ġie kkonfermat Kap.
Dan f’okkażjoni oħra fejn il-Partit Nazzjonalista reġa’ nfired f’mozzjoni kontra l-Gvern. Fil-fatt in-nies ta’ Simon Busuttil ma jemmnux li Delia għandu jibqa’ kap minħabba l-allegazzjonijiet serji li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni u li dwarhom ma jridx jitlob investigazzjoni.