Il-firda fil-Partit Nazzjonalista ġiet innutata anki waqt il-budget imressaq mill-Gvern għas-sena d-dieħla.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kellu l-messaġġ tiegħu ta’ kritika għall-budget, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia għażel li jkollu l-messaġġ tiegħu, għal rasu.
Saħansitra Delia kellu messaġġi ddisinjati tiegħu li ppubblikahom fuq il-profil tiegħu fuq facebook.
Delia għamel dan wara li l-ġimgħa l-oħra t-Times kienet irrappurtat li huwa rrifjuta li jkun parti mix-shadow cabinet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Mat-Times, il-Kap Nazzjonalista kkonferma li Delia qallu li jippreferi ma jkollux portafoll fix-shadow cabinet.
Delia, li baqa’ membru parlamentari u fl-aħħar jiem, mindu ma baqax Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ta’ spiss fil-Parlament, ma jridx ikun parti mix-shadow cabinet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, anki jekk Bernard Grech offrielu u xtaqu li jkun parti.
It-Times irrappurtat li Bernard Grech insista li Delia jkun parti mix-shadow cabinet tiegħu.
Intant sorsi qrib id-Dar Ċentrali, li issa reġa’ hija kkontrollata mill-establishment ta’ wara Bernard Grech, rreferew għal kliem “ċans mitluf” li uża Delia fil-kampanja għar-rasu dwar il-budget.
Dawn is-sorsi qalu li n-nies ta’ Bernard Grech ma ħaduhiex tajba li Delia telaq għal rasu u sostnew li l-uniku ċans mitluf kien ta’ Delia stess għaliex issa lanqas Kap ma baqa’.