Fi stqarrija l-Partit Laburista qali li jekk tassew jemmen li kulħadd għandu jkollu saqaf fuq rasu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għandu jieqaf jitkellem mod meta jkun mal-NGOs u mod ieħor meta ma jkunx magħhom.
Fuq kollox għandu jappoġġja l-protezzjoni bażika li tagħti l-liġi tal-kera proposta mill-gvern u mhux joħroġ kontra tagħha għax wara li deher li jaqbel kien hemm min seta’ opponiha. Mhux ta’ b’xejn li għaqdiet li jaħdmu fil-qasam soċjali qalu li huma perplessi bl-attitudni tiegħu. Għax jitkellem skont quddiem min ikun.
Fuq kollox dan il-gvern ħadem u qed jaħdem bis-sħiħ biex kulħadd ikollu proprjetà xierqa fejn jgħix. Grazzi għall-ambjent ekonomiku qawwi u inċentivi li ta l-gvern ħafna iktar nies saru sidien ta’ djarhom kif ippruvat fl-istudji tal-NSO.
Fl-istess ħin, dawk li għadhom ma waslux għal dan qed ikunu mgħejjuna b’allowances ikbar u għaddej bħalissa wkoll l-ikbar proġett ta’ bini ta’ housing soċjali f’ħafna snin.
Illum, il-pajjiż irid jagħmel tajjeb għas-snin li nħlew taħt gvernijiet Nazzjonalisti fejn il-prijoritajiet kienu ta’ taħt fuq u bid-defiċit jiżdied l-għajnuna naqset. In-nies jafu li dan il-Gvern għandu pjan li l-frott tiegħu diġà beda jidher u mistenni jikber fi żmien li ġej, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.