Is-Sibt filgħodu, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kompla fejn ħalla l-Ġimgħa filgħaxija u tenna li ser jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista.
F’kollegament telefoniku fuq ir-radju tiegħu, Delia kompla jiftħilha kontra l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u qal li hemm bżonn passi radikali biex il-Partit ma jinħatafx mill-ftit.
Delia stqarr: “Nieħdu l-passi kollha neċessarji, drastiċi, radikali li hemm bżonn biex dan il-Partit ma nħallux jinħataf minn dawk il-ftit li jaħsbu li huwa taghhom.”
Meta mistoqsi dwar l-aħħar riżenji li heżżu lill-Parit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li hu għadu jrid jiddeċiedi jaċċettax ir-riżenji li daħlu għandu. Huwa saħaq: “Issa mbagħad sta għalija li fil-ġranet li ġejjin wara li nara l-affarijiet kollha nagħmel id-deċiżjoni li għandi nagħmel jekk naċċettax jew le dik ir-riżenja, nitlobhomx jirrikunsidraw jew le jew inkella nibqgħu għaddejjin bil-proċess li għaddejjin fih.”
Adrian Delia attakka lil Simon Busuttil billi semma s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ħafna li wiret.
Sitwazzjoni finanzjarja mwergħa li anki Clyde Puli kiteb dwarha fl-ittra tar-riżenja u qal li d-dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista jlaħħaq il-miljun kbar ta’ ewro u li dan id-dejn huwa mażra ma’ saqajn il-Partit.
Delia qal: “Kif jaf kulħadd sibna finanzi tal-Partit li huma ħżiena ħafna u rridu nagħmlu efforts kbar.”
Il-Kap Nazzjonalista akkuża wkoll lill-fazzjoni ta’ Busuttil b’arroganza. Hu tenna: “Il-Partit Nazzjonalista jrid jinża d-dritt li għandu jew jaħseb li għandu jkun fil-Gvern. Irid jinża dak li huwa l-pretenzjonijet tal-arroganza.”