B’reazzjoni għall-intervista li kellu Bernard Grech fuq ir-radju tal-Knisja ftit qabel, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma ddejjaq xejn ikompli jintensifika u jispara l-botti lejn l-avversarji tiegħu.
Beda billi ħadha qatta bla ħabel kontra dawk id-deputati li sfiduċjawh hekk kif akkużahom li huma ma semgħux il-messaġġ tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.
Irrimarka wkoll it-telf kbir li ġarrab il-Partit Nazzjonalista taħt dawk li llum il-ġurnata sfiduċjawh.
“Il-membri parlamentari tagħna ma ħaduhx il-messaġġ li kellhom maġġoranza ta’ tesserati assoluta li qed jgħidulhom isma aħna rridu l-ġdid. Ma ħaduhx il-messaġġ is-sena li għaddiet meta qalulhom li rridu nikkonfermaw il-kap li għandna? Mela jien fi 3 snin ħa nbiddel dak li ġara f’20 sena? Mela. Taf kemm ilna nitilfu?”
Spjega li l-Partit mhuwiex tal-membri parlamentari ta’ kontrih.
“Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex tiegħi imma lanqas hu tal-Membri Parlamentari.”
Mistoqsi dwar dawk li sfiduċjawh Adrian Delia sostna li r-ribelli għandhom ħafna ċrieki.
“Inti taf li l-Grupp Parlamentari umbgħad għandu rappreżentanza fl-Eżekuttiv. Jiġifieri ‘they are the same people’ li għandhom iċ-ċrieki tagħhom. Allura le ‘I will not call it a day.’”
Dwar il-perċimes tar-ribelli, jiġifieri Jason Azzopardi, Adrian Delia, għal darb’oħra ddikjara li jekk jerġa’ jkun elett bħala Kap tal-Partit dan ma jkollux postu fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
“M’għandux postu, m’għandux postu fil-Grupp Parlamentari.”
Intant ammetta li żbalja meta għamel u-turn fuq Simon Busuttil.
“In hindsight taħseb li żbaljajt meta Simon Busuttil tajtu r-red carpet? Kont għidtha diġà fil-passat, iva.”
Kien hawnhekk li d-diskors qaleb fuq Bernard Grech u s-sitwazzjoni tat-taxxa tiegħu. Mal-ewwel Delia ħataf l-opportunità li jibda jispara lejn iż-żiemel ta’ kontrih.
Akkużah ukoll bl-establishment tal-Partit Nazzjonalista li hemm warajh u kif dawn qed jaħdmu qatigħ sabiex jerġgħu jaħtfu taħt idejhom it-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
“Tridx ngħoddu kemm qed jagħmlu house visits? Tridx ngħoddu kemm qed imorru jaraw nies? Tridx ngħoddu kemm qed iduru jħabbtu bibien jgħidulhom x’għandkhom bżonn, kif inthom?”
Intant meta d-diskors waqa’ fuq sondaġġ bejn it-tesserati dwar l-elezzjoni tal-Kap u li kien ppubblikat fil-midja ftit tal-jiem ilu, Delia sostna li jekk hemm min ta l-lista tat-tesserati lil xi ħadd, huwa jkun kiser il-liġi.
“Ma tajtx lista lil xi ħadd, inkun qed nikser il-liġi jekk nagħmilha. Mela jekk hemm xi ħadd li ta lista ta’ tesserati li hija protetta bil-liġi jkun kiser il-liġi.”