F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, l-Kap tal-Partit Adrian Delia kompla jiżra’ aktar dubji dwar id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa li daħħal l-avversarju tiegħu Bernard Grech.
Delia sostna li kien hemm min gideb dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.
Hu qal “Kien hemm min pprova jigdeb, kien hemm min pprova jgħid li se noqtol lill-uliedi bil-ġuħ u li m’għandix biex nitmagħhom din karita fil-politika ngħidulha. Nassumi li n-nies jistaqsu wkoll kif min f’ħames snin flok miljun daħħal ħamsin elf kif se jagħmel l-istess eżerċizzju ħa nagħmel l-istess eżerċizzju biex jagħti l-istess konfort li qed nagħti jien.”
F’botta diretta lejn Grech, Delia reġa’ fakkar kif l-evażjoni tat-taxxa hija reat kriminali.
Qal “Meta bniedem imbagħad mil-maqlub imbagħad minn dak li qrajt fuq il-gazzetti qed nitħattu fuq underdeclaration, fuq bniedem li ma ddikjarax it-taxxa sħiħa. Nagħmlu d-differenza u ma nitqedux fuq l-istess keffa”
Delia fetħilha wkoll kontra Bernard Grech dwar id-dibattitu fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sostna “Ilna nibku kif nagħmlu dibattitu ta’, immaġina ta’ biex il-Partit Nazzjonalista illi ma jridx dibattitu. Ma jridx iħalli il-kontestanti jitkellmu. Mhux il-PN ma jridx dan b’qilla kbira r-rappreżentanti tal-ħabib tiegħi Bernard Grech ma jridux li jsir dibattitu.”
Delia tenna l-akkuża li Grech prova jimmanipula dibattitu billi jinfluwenza ġurnalista tax-xandir nazzjonali.
Qal “Jirriżulta bħala fatt li rappreżentant ta’ Bernard Grech mar u avviċina lill-ġurnalista qabel ma kellmitha l-Kummissjoni. X’ħin saru jafu isem il-ġurnalista. Dik il-libertà tal-espressjoni?”
F’intervista ta’ nofs siegħa Delia saħansitra sab ħin biex jikkumenta li Grech dam seba’ minuti aktar milli skedat.
Qal “għandi numru ta’ mistoqsijiet inżommu fil-qosor. Kellna nistennew għax suppost bdejna f’hu nofs u bdejna seba’ minuti wara”
Ġimagħtejn wara li Grech ħa post Delia fuq l-istazzjon tar-radju Nazzjonalista, Delia baqa’ jżommha fil-komma u s-Sibt filgħodu spiċċa għajjar lil Grech arroganti.
“U min ippretenda li jieħu dik l-islot u ħadha allura dan mhux arroganti?”