Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed jirrifjuta li ssir inkjesta interna dwar l-allegazzjonijiet ġodda li għandu fuq rasu, li ġie offrut eluf ta’ ewro biex David Casa ma jitlax membru parlamentari Ewropew.
Nhar il-Ħadd li għadda, fl-istamperija saret laqgħa storbjuża u mimlija għajjat, tal-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Kienu ftit deputati Nazzjonalisti li tgħoddhom fuq id waħda li qabżu għall-Kap Adrian Delia u l-kumplament, li kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ma niżlitilhom xejn tajjeb kif Delia wieġeb għal-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech waqt ikla li fiha staqsa biex imur bix-shorts.
Mistoqsi dwar il-każ ta’ David Casa, Delia wieġeb hekk u assolutament ma weġibx dwar it-talba għal almenu inkjesta interna.
Meta kien mistoqsi: “Imma kellek sejħa għall-inkjesta interna, anki Pierre Portelli jidhirli qal isma’ l-Imħallef Vanni Bonello għandu jkun li jmexxiha. Se tilqaha din tal-inkjesta.”
Delia wieġeb: “Mela l-ewwel nies ma hemmx każ David Casa ħa nibdew minn hemm, m’hemmx ma jeżistix.”
Kien id-deputat Nazzjonalista David Thake li talab għall-inkjesta interna fil-Partit Nazzjonalista wara li kien hu stess li staqsa fuq din l-allegazzjoni sena ilu.
Fuq ix-xandir nazzjonali l-preżentatur semma ukoll is-sentiment ta’ David Casa li hu stess ħass li kien hemm min qed jaħdem kontrih fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ sena ilu.
Meta l-preżentatur qal: “Imma David Casa nnifsu qisu qal isma’ jiena jekk xi ħadd prova jagħmel hekk arralu għax ara tlajt.”
Delia rrisponda: “Xi tridu jgħid? Xi tridu jgħid? Allaħares”
Iżda l-preżentatur sostna: “Imma jfisser li ħass li kien hemm min qed jaħdem kontrih pereżempju.”
Is-sena l-oħra, kif ġie elett bi żbrixx, Casa kien irringrazzja lil tliet eks Kapijiet Nazzjonalisti iżda mhux lil Delia, li ħallih barra f’kitba li kien għamel fuq il-profil tiegħu fuq facebook.
Intant Delia kkonferma l-ġlied u l-firda li għad hemm bejn il-fazzjonijiet fil-Partit f’tal-Pietà hekk kif hemm min qed jibqa’ jirreżisti.
Delia tenna: “Hemm min jibqa’ jirreżisti.”
Delia kien mistoqsi dwar l-establishment tal-partit tiegħu u hu fisser l-establishment bħala attitudni: “Imma min hu dan l-establishment fil-Partit Nazzjonalista?”
Huwa wieġeb: “Mela l-establishment mhux persuna, hija attitudni.”
Dwar il-fatt li l-Oppożizzjoni ma pparteċipatx fl-iskrutinju tal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, Delia għamel dikjarazzjoni surreali li ma abdikax mir-responsabilità.
Meta l-preżentatur qallu: “Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, issa għandna Kummissarju tal-Pulizija ġdid, il-Partit Nazzjonalista ma ħax sehem fl-iskrutinju parlamentari li sar ilbieraħ. Mhux qisek qed tabdika mir-responsabilità.”
Delia wieġbu: “Assolutament le.”