L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia rreaġixxa b’saħħa għall-ġlied intern li baqa’ jiddomina fil-Partit Nazzjonalista u tenna li min jikkritika b’mod kostruttiv m’għandekx tagħlaqlu ħalqu.
Delia qal dan ftit jiem biss wara l-aħħar allegazzjonijiet fil-konfront tal-Kap Bernard Grech mill-kandidat Nazzjonalista u Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg u li b’riżultat tagħhom l-istess Kap qal li, min joħroġ jikkritika l-operat tal-partit minn barra ma jkollux intenzjonijiet tajbin.
“Inti ma jistax jkollok intenzjoni tajba li tmur fil-pubbliku u tattakka u tipprova tkisser lill-Partit meta inti taf li għandek strutturi fil-Partit li għandna nużawhom biex intejbu dawk l-affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb.”
Mistoqsi fuq din id-dikjarazzjoni mill-preżentatur tal-programm hekk kif huwa ċar li qed jintuża kejl differenti mill-Kap attwali għal dak li kien jintuża ma’ Adrian Delia, l-eks Kap qal hekk.
“Min jikkritika b’mod kostruttiv. Min irid id-diskussjoni għax jemmen li jrid jikkontribwixxi allura m’għandekx tagħlaqlu ħalqu.”
F’botta ċara lejn il-Kap Bernard Grech u deputati bħal Mark Anthony Sammut, Adrian Delia fakkar fl-importanza tal-konsistenza.
Dan anke fid-dawl ta’ kif l-hekk imsejħa Blue Heroes għamlu 3 snin jitkellmu kontrih kontinwament biex iniżżluh min Kap.
“F’moħħi hija xi ħaġa ta’ konsistenza.”
Delia fil-fatt, irrimarka kif fil-każ tiegħu kien hemm litteralment sabutaġġ.
“Immur iktar hux għax kien hemm litteralment sabutaġġ.”
Sostna wkoll li l-kritika fil-konfront tiegħu ma kinitx waħda kostruttiva imma distruttiva.
“Mhux għax kritika. Għax li tikkritika naħseb li hija xi ħaġa tajba. Mhux għax kritika b’mod mhux kostruttiv, imma kritika distruttiva.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet mid-Deputat Nazzjonalista jkomplu jikkonfermaw kemm fil-Partit Nazzjonalista qed jiddomina ġlied intern u intriċċi.
Dan hekk kif kull ma jmur qed toqrob id-data tal-konferma ta’ Bernard Grech bħala Kap mal-Kunsilliera u hekk kif qed jipprova jintogħġob maż-żewġ fazzjonijiet fid-Dar Ċentrali, issa l-Kap attwali spiċċa jipprova jpaċi maż-żewġ naħat tant li spiċċa f’morsa.