Adrian Delia għamilha ċara li jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit ma jkunx qiegħed jieħu pożizzjoni dwar temi li jqis bħala etiċi u morali.
F’artiklu fin-Nazzjon, Delia qal li ma jridx li fil-Partit Nazzjonalista jweġġgħu lil xulxin u għalhekk se jitlob il-grupp parlamentari jaqbel fuq lista ta’ temi li minflok il-partit jieħu pożizzjoni ta’ prinċipju dwarhom, ikun hemm free vote.
Riċentament, kien hemm il-vot dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ u fuq dan id-dritt kien hemm bosta talbiet għall-vot ħieles mill-Partit Nazzjonalista.
Il-faxxa konservattiva kienet voċifera dwar dan id-dritt tant li xi ħadd bħal Edwin Vassallo mar kontra l-whip tal-Partit Nazzjonalista u vvota kontra. Ladarba bdiet it-tellieqa għall-Kap il-kontestanti provaw jużaw il-karotta tal-free vote mill-ewwel.
Chris Said qal li kien jikkunsidra vot ħieles fuq din tal-ugwaljanza fiż-żwieġ, filwaqt li issa Adrian Delia qal jrid jagħmel lista ta’ kwistjonijiet etiċi u morali u fuqhom kollha jiddikjara vot ħieles.
“Nemmen li dan hu mod ġdid kif immexxu fil-Partit Nazzjonalista u nħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom vot f’dan il-proċess biex jivvutaw favur dan il-mod ġdid,” kiteb Adrian Delia li dwar dawk li ħafna drabi huma dritt tal-minoranzi indika li mhux se jiħeu pożizzjoni.
Dan f’attentat li jikseb l-appoġġ tal-faxxa konservattiva fil-partit.