Wara li l-Prim Minixtru kixef il-kalkoli amateur tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-istess Kap tal-Oppożizzjoni għamel attentat iddisprat biex jipprova jiġbor il-gaffe tiegħu.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għar-rapport tal-Awditur Ġenerali Adrian Delia qal li “Joseph Muscat qed jiswa lin-nies €200 miljun aktar fis-sena mill-interconnector.”
Madanakollu, il-Partit Laburista tenna kif dalgħodu, il-Prim Ministru spjega kif dan mhux il-każ u għamel analiżi fid-dettall ta’ kalkoli li ma ttieħdux fir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Żied ukoll li anke jekk wieħed ikollu jieħu lil Delia bis-serjetà dan ħa żball ta’ iktar minn mitt miljun f’kalkolu sempliċi. Xi ħaġa li Delia prova jdawwarha bħala xi ammissjoni tal-Prim Ministru li n-nies qed jinsterqu mitt miljun fis-sena. Iżda, in-nies jafu li l-Prim Ministru lin-nies ħallielhom kważi mitt miljun ewro fis-sena bir-roħs fil-kontijiet tal-enerġija.
Roħs li seta’ jsir permezz tal-proġett tal-power station li skont l-Awditur Ġenerali kien proġett bżonnjuż u li tmexxa b’mod trasparenti u ġust fejn intagħżlet dik il-kumpanija li kellha tintgħażel.
Fuq kollox, qal il-Partit Laburista, Delia ma jistax ikun kredibbli meta jgħid li min jgħamel il-ħażin skont l-Awditur Ġenerali jrid iwieġeb.
Għax miegħu reġa’ ħa bniedem li skont l-Awditur Ġenerali kellu jirriżenja.