… u Simon jiddisponi!
Ma tistax tiġih waħda tajba!
Adrian Delia mħux biss qed jissielet biex jipprova jagħmel il-PN Gvern alternattiv, iżda wkoll għadu qed jipprova jsib saqajh fit-tmexxija filwaqt li fl-istess ħin ikollu jikkumbatti kurrenti interni kontrih.
Wara l-kwistjoni tal-Egrant – li Simon Busuttil u l-klikka ta’ madwaru inqabdu f’gidba kerha mingħajr preċedent, Adrian Delia kellu ċ-ċans juri li verament għandu l-kmand tal-PN taħt idejh. Iżda għarralu u għarralu bil-kbir.
Meta Delia, ftit siegħat wara l-aħbar tal-PM dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, talab lil Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari tal-PN… nesa’ (jew ħa r-riskju) li meta se jisfida lill-kap preċedenti tal-PN, se jkun qed jisfida wkoll lil diversi MP’s mill-grupp parlamentari li jappoġjaw lil Busuttil. Għalkemm Delia għandu l-appoġġ fl-amministrattiv tal-PN, din il-konfrontazzjoni diretta ma kinitx se tinżel tajjeb, kif filfatt rajna.
Ftit jiem wara li ħa din id-deċiżjoni, Delia kellu jċedi għall-pressjoni ta’ dawk li verament għadhom qed imexxu l-PN. Delia mar lura minn kellmtu, u mid-deċiżjoni li stqarr li ħa b’tant konvinżjoni u ċertezza u spiċċa ħalla lil Busuttil fil-grupp parlamentari.
Ma din il-U-turn, Delia għadda messaġġ lis-seġwaċi tiegħu permezz ta’ ftit proża ħelwa, u ħafna retorika, fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, dwar l-għaqda li ħemm fil-PN eċċ eċċ. Rewind, play, repeat. Drajnihom issa!
Fuq kollox, l-aħħar deċiżjonijiet ta’ Delia jikkonfermaw id-djgħufija tiegħu bħala kap tal-PN, u tikkonferma li iktar ma jinbidlu l-uċuħ iktar mhu qed jinbidel xejn fi ħdan il-PN. In-“New Way” ta’ Delia kienet biss slogan li uża sabiex isir kap tal-PN, filwaqt li Busuttil sfidah fl-apert u urieh li “it’s still My Way”.
In-nukleju ta’ Simon Busuttil għadu b’saħħtu ħafna fil-kurituri tad-Dar Ċentrali, u fost esponenti ta’ wħud mill-pressure groups partiġġjani li faqqsu fl-aħħar xhur. Mill-aħħar elezzjoni l’hawn ma nbidel xejn fi ħdan il-PN…pjuttost marru għall-agħar!
Hija ħasra għal pajjiżna li m’għandniex Oppożizzjoni serja u b’saħħitha. Għalhekk, ir-responsabbiltà fuq il-PL issa hija ikbar minn qatt qabel. Il-Gvern irid, aktar minn qatt qabel, jiżgura li jibqa’ viċin in-nies u jmexxi ‘l quddiem politika sostenibbli li tkompli tkattar il-ġid.