Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ibiddel il-kundizzjonijiet fil-kuntratti tal-kera għal dawk l-inkwilini li kellhom ftehim qabel l-1995.
Intervistat waqt il-programm Dissett Adrian Delia kkonferma dak li qalulu 15-il għaqda li jaħdmu fil-qasam soċjali li ħassewhom perplessi bl-argumenti tiegħu dwar il-liġi tal-kera.
U dan meta mistoqsi b’eżempju prattiku u ċar.
Waqt il-programm Dissett, Delia stqarr:
Preżentatur: “Mistoqsija sempliċi, iva jew le. Il-kirjiet ta’ qabel in-95, tridhom jibqgħu kif inhuma jew tridhom jinbidlu.”
Delia: “Kif inhuma kif Reno? Għax mhux qed niftehmu.”
Preżentatur: “Jekk mara, hemm żewġ anzjani qed iħallsu mitejn ewro fis-sena, jibqgħu jħallsu mitejn ewro fis-sena.”
Delia: “Le m’għandhomx jibqgħu hekk, għaliex m’għandhomx jibqgħu hekk.”
Preżenatur: “Għandhom jogħlew?”
Mifxul b’dak li kien għadu kemm qal, Delia spiċċa jattakka l-għaqdiet soċjali li rawh żbilanċjat fl-argumenti tiegħu bejn is-sidien u l-inkwilini.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni offra wkoll soluzzjoni insenttiva lill-anzjani li saħħithom ma tippermettiex u li huma dipendenti il-carers.
Meta mistoqsi jekk huwiex lest jipprovdi s-servizz ta’ carers, Delia sostna:“Ma ttihomx carer? Inti tikkrea sistemi fejn l-anzjani tagħna jkunu aktar attivi.
L-inkonsistenza tal-Kap Nazzjonalista tul il-programm ta’ kważi siegħa laħqet l-ogħla livelli meta ġie mistoqsi dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Għal darb’oħra reġa’ darlu bħar-riħ, u dan minkejja li fil-Parlament ivvota favur il-proġett ta’ konnettività permanenti bejn iż-żewġ gżejjer.
Meta mistoqsi jekk Għawdex għandux ikollu mina jew ir-raba’ vapur, Delia wieġeb “Ir-raba vapur, il-fast ferry u l-cargo ferry b’mod immedjat u imbagħad diskussjoni nazzjonali serja dwar jekk dan mhux biżżejjed u hemmx bżonn illi jkun hemm konnettività iktar permanenti u kif.”
Delia ddefenda wkoll lil Jason Azzopardi li fl-aħħar jiem attakka bl-aħrax Imħallef li ddeċieda b’mod li ma għoġobx lil Azzopardi.
Delia: “Ebda deputat tiegħi ma għajjar Imħallef.”
Preżentatur: “Meta jgħidlek il-fatti mhux konġenturi, min ma jxommx intiena jew imnieħru miżdud jew tant kemm huwa maħmuġ ma jistax ixomm intiena. Din kitibha Jason Azzopardi.”
Delia: “Jiena ovvjament m’għandiex id-dokument u allura rrid nara l-kuntest tiegħu.”
Delia attakka l-ħatra tal-ġudikanti li issa qed issir b’sistema ġdida permezz ta’ skrutinju ta’ kumitat minn persuni b’karigi kostituzzjonali li żiedet it-trasparenza fil-ħatra tal-ġudikanti.
F’dan il-punt, il-preżentatur fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni li l-Imħallef li Azzopardi ħadha qatta’ bla ħabel kontrih kien inħatar direttament minn Gvern Nazzjonalista.
Fuq l-istazzjon nazzjonali Delia wieġeb hekk fuq il-mod fqir li ġew iċċelebrati l-festi tal-indipendenza mill-Partit Nazzjonalista li matulhom qal li hemm mewġa ta’ nies riesqa lejn il-partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi fuq il-mass meeting tal-Indipendenza ta’ din is-sena, Delia qal: Kien agħar mis-sena li għaddiet, mhix ħaġa tajba.”
Delia għamel ukoll bħal ta’ qablu u minkejja r-retorika ta’ soltu dwar Gvern alternattiv, kompla bid-diskors fl-arja.
Delia tenna li:“F’dak id-dokument tagħkom hemm madwar mitt proposta pero ma rajtx il-costings tagħhom.
“Ovvjament mhuwiex ix-xogħol tal-Oppożizzjoni li tikkostja.”
Fi programm ta’ siegħa l-Kap Nazzjonalista inkwieta wkoll li m’hu qed jifhmu ħadd.
Delia temm jgħid li “In-nies mhu qed jifhmu xejn.” WHITEFLASH “Vera m’aħniex qed niftehmu” WHITEFLASH “Jien jippreokkupani li jekk mhux qed tifhem int qed jifhmu ftit nies.”