“Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sar l-messaġġier tal-fake news fejn jitkellem b’fatti żbaljati f’idejh u meta jinqabad jippersisti f’dak li jrid jgħid u jinjora l-verità.”
Qalu dan id-deputati Laburisti Rosianne Cutajar u Alex Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista, li matulha tkellmu dwar l-izbalji fattwali li qiegħed jagħmel Adrian Delia.
Bl-aħħar kaz ikun fil-qasam tal-ġustizzja, fejn Delia baqa’ jippersisti f’gidba li sparixxiet droga kannabis mill-istrong room tal-Qorti meta nstab li kienet immarkata ħażin – fl-elfejn u erbgħa fi żmien amministrazzjoni nazzjonalista.
Huwa baqa’ jippersisti fil-gidba li l-gvern ried jaħbi każ fejn allegatament ħaddiem bagħbas xi provi tal-qorti meta kien il-gvern li s-sena li għaddiet ħabbar li nqabad dan il-każ u saħansitra ttieħdu passi b’nies jitressqu l-Qorti wara investigazzjoni.
Id-deputat laburista Rosianne Cutajar qalet li l-attitudni li Adrian Delia jippersisti fil-fake news turi li għadu ma fehemx ir-responsabbiltà li ġġorr il-kariga tiegħu.
Filwaqt li fakkret kif filwaqt li jitkellem fuq il-ġustizzja, Adrian Delia ma ħa ebda passi fil-konfront tad-deputat nazzjonalista Toni Bezzina li nstab li ġiegħel ħaddiema jiffirmaw dikjarazzjoni falza, meta għamlu xogħol fil-kazin nazzjonalista taz-Zurrieq.
“Tela bl-għajta tal-mod ġdid imma flok mod ġdid għandna l-midja tal-pn imqabbla mal-propoganda Russa.”
Id-deputat laburista Alex Muscat fisser kif wieħed mill-għanijiet tal-ispin u l-fake news ta’ Delia hu li jipprova jnaqqas xi ftit mill-pressjoni interna li għandu fejn il-Partit Nazzjonalista huwa partit mifni bl-inkwiet.
“Huwa ta’ għajb li Delia jiqba’ jsemmi stejjer ivvintati biex jevita jitkellem dwar il-parti maqsum.”
Huwa fakkar ukoll fit-titjib li qed isir fil-qasam tal-ġustizzja li ġie rikonoxxut ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.