Fl-istess ġimgħa li l-anzjani Maltin bdew jirċievu żieda fil-pensjonijiet, il-kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat irid l-anzjani jmutu biex jagħmlu post għal ħaddieħor.
Delia qal dan f’attività politika, l-Erbgħa filgħaxija fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Lija.
Huwa implika li l-Prim Ministru jrid l-anzjani ma jdumux jgħixu ħalli ma jkunux ta’ piż fuq il-pajjiż.
“Il-pjan ta’ Joseph Muscat hu li jilmenta li l-anzjani tagħna qed jgħixu iktar fit-tul… Jiġifieri xi jrid Joseph Muscat? Li mmutulu zopptu? Illi l-anzjani tagħna ma ngħinuhomx biex ingawduhom iktar.”
Dan ikompli jikkuntrasta mal-fatt li għal sena oħra, il-Gvern żied il-pensjonjiet tal-anzjani u kompla jagħti għotja ta’ €300 lil anzjani li għandhom ’il fuq minn 75 sena u li għadhom jgħixu fid-dar tagħhom.
Adrian Delia kompla juri kemm hu ‘l bogħod mill-veritá meta stqarr li dan il-Gvern m’għamel xejn fil-qasam soċjali.
“Falla fil-Qasam soċjali. F’sitt snin f’dan il-qasam il-gvern m’għamel xejn. Labour did nothing.”
Dan meta fl-istess jum, il-Gvern issiġilla ftehim li permezz tiegħu se jinbnew 500 appartament ġdid għal skop ta’ housing soċjali li se jiżdiedu ma’ aktar minn sitt mitt appartament ieħor li diġà beda x-xogħol fuqhom.
Matul l-istess attività li spikka t-ton isteriku tiegħu, Delia li jinsab mifni bil-ġlied intern stqarr li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tmexxi lil pajjiżna.
“Min qed jipprova jmexxi lil pajjiżna anke mill-oppożizzjoni.”
Fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq li bil-mudell ekonomiku ta’ dan il-gvern qed jiżdied biss iċ-ċekk tal-pensjoni.
Dan filwaqt li fil-passat taħt tmexxija Nazzjonalista kienet l-età tal-irtirar li żdiedet. Il-Partit Laburista żied jgħid tgħid li l-mudell ekonomiku ta’ dan il-Gvern wassal ukoll għal bidliet fil-pensjoni tar-romol u benefiċċji lil dawk li ma ħallsux biżżejjed bolol. Bil-mudell ekonomiku ta’ Delia dan kollu jkun mhedded, saħaq il-Partit Laburista.