L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kompla jiftaħ konfronti fil-miftuħ mal-Kap Bernard Grech fejn wera nuqqas ta’ qbil mal-istunt politiku li għamel il-ġimgħa l-oħra, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan hekk kif mar fuq it-taraġ ta’ Kastilja jippolitiċizza l-Covid-19.
Waqt programm fuq l-Ismash, Adrian Delia qal kif bl-azzjoni ta’ Bernard Grech qisu wera li huwa t-tort tal-Gvern li hawn il-pandemija.
Bi kliem ċar, Delia ikkundanna dak li għamel Bernard Grech: “Qisu l-pandemija hija xi ħaġa li l-Gvern xtaq jew rieda jew huwa responsabbli tagħha. Dik le, jiena dak huwa messaġġ illi nikkundanna, ma naqbilx miegħu.”
Waqt l-istess programm, telespettatur li tilef qarib tiegħu bil-Covid-19 qal li ħassu mweġġa’ bl-azzjoni li għamel Bernard Grech biex jipprova jiskorja punti politiċi.
It-telespettatur qal, “Jiena ma naqbilx għal dak il-ġest li għamlu, li jmorru jitfgħu fuq Kastilja. Jiena mituli tal-familja. Kif rajt hekk, in-nervi li kien qabadni meta rajthom illi għamlu, ix-xemgħat u l-fjuri fuq Kastilja. Jien kont ngħid li misshom jagħmluhom fuq l-oqbra Raħal Ġdid, fejn kollha difnuhom, hemm kieku ġest. Imma kif għamlu huma huwa ġest politiku.”
Dan isegwi l-kummenti ta’ diversi persuni li fuq Facebook stmerrew dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni li nqabad f’ritratt li ttieħed waqt dak li għamel il-Partit Nazzjonalista.