Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma eskludix li jixtri proprjetà ġdida fis-Siġġiewi qabel iħallas mat-tmenin elf ewro dovuti lit-tax payers Maltin u Għawdxin.
F’kummenti lil One News barra l-Parlament, huwa kkontradixxa lilu nnifsu f’temp ta’ ftit sekondi.
Mistoqsi dwar ix-xiri ta’ proprjetà ġdida fis-Siġġiewi, il-Kap Nazzjonalista ta x’jifhem li se jħallas dak dovut lid-Dipartiment tat-taxxa qabel jixtri proprjetà oħra fis-Siġġiewi.
M’għaddietx minuta li Adrian Delia ma daqqx l-irtirata u saħaq li għalih m’hemmx rabta bejn il-kwistjoni li hu jixtri proprjetà u fl-istess waqt għadu ma ħallasx eluf ta’ ewro f’dejn ma’ tat-taxxa li jmur lura aktar minn tliet snin.
Viżibbilment skomdu wara dikjarazzjoni mill-aktar kontraditorja minn persuna li ġġorr kariga kostituzzjonali, Delia ma riedx jikkonferma jekk hux se jħallas id-dejn li għandu ma’ tat-taxxa qabel jixtri proprjetà oħra.
Kienet il-gazzetta The Sunday Times li żvelat li l-Kap Nazzjonalista kien se jixtri proprjetà oħra fis-Siġġiewi.
Fir-rapport tagħha, il-gazzetta ġabet it-tweġiba ta’ Adrian Delia iżda ma’ One News, il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li r-rapport ma rahx.
Sadanittant staqsejna wkoll numru ta’ deputati Nazzjonalisti dwar l-aġir tal-Kap tagħhom li s-sena li għaddiet iddikjara fil-programm Dissett li l-kwistjoni tat-taxxa kellha tiġi solvuta sa tmiem is-sena li għaddiet.
Fost ħafna tlaqliq u skumdità li timbarazza lill-partit li ilu jillimita fih, id-deputat Frederick Azzopardi wieġeb hekk.
“Jiena jekk ma nafx ma nistax nikkumenta.” ONE News staqsieh “Imma kieku inti l-ewwel tixtri l-proprjetá imbagħad tħallas id-dejn li għandek ma’ tat-taxxa, jew l-ewwel tissetilja l-ammont?” Hu wieġeb “Tat-taxxa jidhirli hemm kwistjoni għaddejja, qed jistenna risposta.” “Inti x’kont tagħmel?” “Inti x’kont tagħmel imma?”
Min-naħa tiegħu, il-Viċi-Kap Nazzjonalista Robert Arrigo għażel li jibqa’ sejjer.