Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kkonferma li l-miżuri li qed isemmi hu stess ma jafx kemm jiswew.
Għal darba oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ ma tax ċifra ta’ kemm jiswew il-miżuri li qed isemmi hu.
Magħfus għal darba, darbtejn, tlieta, Delia infexx jattakka l-pakkett ta’ kważi żewġ biljun ewro mħabbar mill-Gvern sabiex jgħin lin-negozji u l-ħaddiema Maltin li ntlaqtu mill-imxija tal-coronavirus.
“Sal-lum stess il-costings mhux tagħna, tal-Gvern ma nafuhomx.” Qal Delia.
Din id-dikjarazzjoni hija l-kontra tal-preżentazzjoni dettaljata li ta l-Gvern fejn issemmew il-miżuri kollha costed, waħda wara l-oħra.
Fost l-oħrajn hemm dik li se tolqot aktar minn sebgħa u erbgħin elf ħaddiem li sofrew tnaqqis fl-operazzjonijiet tagħhom b’tal-inqas ħamsa u għoxrin fil-mija u li se jingħataw ħlas ta’ ġurnata fil-ġimgħa bbażata fuq tmien mitt ewro fix-xahar.
Din il-miżura fost l-oħrajn se tiswa miljun u sitt mitt elf ewro fil-ġimgħa.
Intant Delia semma wkoll li għandu jitħallas il-leave tal-kwarantina iżda hawn hekk ukoll meta mistoqsi kemm tiswa l-miżura tiegħu, ikkonferma li huwa jħabbar xi ħaġa mingħajr ma jkun jaf kemm jiswew l-affarijiet.
Il-kap Nazzjonalista qal, “Ma nafux kemm hemm nies fi kwarantina mhux hekk allura m’għandniex nagħtu iċ-ċifra.”
Il-Kap Nazzjonalista imbagħad għalaq hekk it-tweġibiet tiegħu mingħajr ma lissen ċifra waħda.
“As simple as that. M’hemmx xi għerf kbir.” Ikkonkluda Delia.