L-eks Kap Nazzjonalista u Deputat Adrian Delia kkonferma li hu involut f’tentattiv biex kumpanija barranija, li jirrappreżenta, tirbaħ kuntratt tal-Gvern għall-bini tal-impjant tal-waste-to-energy, li jiġi jiswa kważi €200 miljun aktar lill-poplu Malti.
Dan wara li, f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie mistoqsi jekk hux komdu li hu avukat ta’ konsorzju, li skontu hi kumpanija kbira ħafna u waħda mill-aqwa fid-dinja, u li ried iwaħħal mal-€200 miljun iżjed lill-poplu fuq il-proġett tal-iskart u l-enerġija.
Hawnhekk qal li ma jsib l-ebda problema b’dan, għax skontu hu jagħmel xogħlu b’mod professjonali.
ĠURNALISTA: “Mistoqsija lil Adrian Delia. Int komdu li int avukat ta’ konsorzju li ried iwaħħal mal-€200 miljun iżjed lill-poplu fuq il-proġett tal-waste & energy?”
AD: “Grazzi tal-mistoqsija li, ovvjament m’għandha x’taqsam xejn mar-rwol tiegħi politiku. Komdu li bħala avukat dejjem nagħti servizz lill-klijenti bl-aktar mod professjonali.”
“Iva, komdu”
Il-Partit Laburista ilu ġimgħat sħaħ jistaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni jekk hux komdu li l-predeċessur tiegħu u wieħed mill-aktar deputati attivi fil-Partit Nazzjonalista, għandu id fil-borma tal-poplu, u l-id l-oħra fl-interessi kummerċjali kbar u barranin.
Bernard Grech għadu ma spjegax jekk hu jinsabx komdu li, jekk xi darba l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fil-Gvern, Delia jkun fil-Kabinett tiegħu, meta dan stess stqarr li qed jagħti servizzi privati lill-kumpaniji tant kbar b’interess kummerċjali fil-pajjiż. Liema interessi jistgħu jiswew lill-poplu Malti kważi €200 miljun iżjed.
Il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ sieket fuq dan kollu hi xhieda tal-fraġilità tal-Partit Nazzjonalista u kif dan l-istess partit għadu maħkum minn mentalità li dak li jipprietkaw fuqu lanqas biss huma komdi japplikawh għall-partit tagħhom stess.
L-ironija kompliet tiżboq minn fomm Delia meta, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, ikkritika lil uffiċjali ċivili li jirrappreżentaw lill-Gvern f’aktar minn rwol wieħed meta, fl-istess waqt, hu qed jilgħabha bħala rappreżentant tal-poplu u fl-istess ħin jammetti li qed jirrappreżenta interessi privati.
Fl-istess konferenza, il-Partit Nazzjonalista nfexx f’attakk partiġġjan fuq il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Malta Enterprise, George Gregory, persuna li qatt ma kienet attiva fil-politika.
Stqarrija tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi wkoll uriet id-diżappunt fejn il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jħawwad fuq fatti li jistgħu jiġu faċilment ivverifikati minn informazzjoni pubblika.
Il-Ministeru appella lill-Oppożizzjoni biex ma tibqax iffissata fil-logħob partiġġan, filwaqt li tenna li l-Gvern mhux se jaqa’ f’dak il-livell u għalhekk se jibqa’ ffokat jaħdem fl-interess nazzjonali.