Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ammetta li meta għamel il-kawża l-Qorti fil-konfront tal-Vitals, li għal xi żmien kienu qed imexxu xi sptarijiet f’pajjiżna, il-membri tal-Grupp Parlamentari ħallewh waħdu. Kien ONE NEWS li kien żvela fl-aħħar xhur kif għal din il-kawża Delia ma kisibx l-appoġġ tal-kumplament tal-Grupp Parlamentari tant li l-kawża kienet iġġib biss il-firma tiegħu.
Dakinhar kien irrappurtat li x-xewqa tiegħu kienet li jiffirmawha deputati oħrajn imma kienu ftit dawk li emmnu u appoġġjaw il-ħsieb tiegħu li jmexxi b’din il-kawża u eventwalment Delia spiċċa mar il-Qorti waħdu.
Għal xhur sħaħ Delia ma lissen ebda kelma dwar dan. Naturalment, għax ma kienx fl-interess tiegħu li jidher li tħalla waħdu. Imma meta nhar l-Erbgħa mar fuq Iswed fuq l-Abjad ried juri li hu ġellied ikbar tal-Gvern minn dak tal-fazzjoni ta’ kontra tiegħu u għalhekk uża dan il-każ biex iwassal messaġġ. Messaġġ lil dawk li fl-aħħar ġimgħat kienu qed jitkellmu kontra tiegħu fil-Partit Nazzjonalista u pubblikament b’mod partikolari dawk li kienu qed jiktbu bil-#notinmyname.
Kien ċar kif kienu miftehmin Frank Psaila u Adrian Delia biex jenfasizzaw il-fatt li mar il-Qorti waħdu. “Għaliex personali, għaliex mort waħdek?” staqsieh Psaila filwaqt li Delia spjega l-mod kif taħdem il-liġi li tagħti dritt lil Membru Parlamentari jikkontesta ftehim fil-qorti. “Il-liġi tippermettilek li kull MP jintavola proċeduri, setgħu għamluha oħrajn miegħi,” qal Delia. U hawn saret l-enfasi. Dlok qabeż Psaila u qallu.
“Dan il-programm magħruf li l-affarijiet ngħiduhom iswed fuq l-abjad, nirrispetta l-pożizzjoni tiegħek, però ninsisti fuq il-mistoqsija. Int dakinhar mort waħdek. Nixtieq risposta,” qallu Psaila u Delia żiedlu: “Iva, jiena mort waħdi.”
U kien ċar kristall li Delia kellu botta x’jgħaddi kien il-mod kif spiċċa l-argument. “Min jaħseb li għal mument u min jipprova jgħaddi botti u jinki u b’xi mod jinsinwa lanqas jaf kemm hu żbaljat, lanqas jaf min hu Adrian Delia. Imma se jkunu jafu.”
Anke jekk il-PN qal li kienet riżolta s-sitwazzjoni fi ħdanu, l-ilsna ħżiena ma waqfu xejn u dawk li l-istamperija jafuha kif jafuha l-ġurnalisti ta’ din il-gazzetta jafu wkoll li f’Iswed fuq l-Abjad ntbagħtu ħafna messaġġi.