Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kkonferma li l-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa mhux jiġbed l-istess ħabel tal-Partit Nazzjonalista dwar in-nomina ta’ Helena Dalli bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza. Is-Sibt li għadda, Casa beda bl-ewwel attakki fil-konfront ta’ Dalli minkejja l-impenn ta’ Delia u l-Partit Nazzjonalista li jaħdmu favur tagħha.
Fuq Facebook Casa ħareġ jgħid li Dalli ma tistax tittama li tassigura l-post ta’ kummissarju jekk se tagħlaq għajnejha għal dak li skont hu qed jiġri f’Malta. Żied jgħid li qed jistenna li fis-smigħ tagħha quddiem l-ewroparlamentari Ewropej, Dalli tikkundanna liċ-Chief of Staff tal-Prim Minsitru Keith Schembri u lill-ministru Konrad Mizzi.
Minkejja li kien evażiv dwar il-kwistjoni bil-għan li ma jkomplix ikebbes ix-xrar fir-relazzjoni tiegħu ma’ Casa li jappoġġja bi sħiħ lill-eks kap Simon Busuttil, Delia sostna li l-pożizzjoni personali tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista dwar in-nomina ta’ Dalli baqgħet ma nbidlitx.
“Jiġifieri Dr Casa għandu jissaportja lil Dr Helena Dalli waqt il-grilling fil-Parlament Ewropew? Jien qed nitkellem għalija u qed nitkellem għall-Partit Nazzjonalista l-istatement tiegħu kien ċar, kien ċar daqs il-kristall u ma nbidilx.”
Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia taw is-sosten tagħhom lil Helena Dalli fi tliet stqarrijiet separati kif ukoll permezz ta’ Twitter tal-Kap tal-Oppożizzjoni stess. Madankollu, David Casa li huwa Ewroparlamentari tal-fazzjoni ta’ Busuttil injora din il-pożizzjoni u kompla jisfida lil Delia tant li baqa’ għaddej bl-aġenda tiegħu kontra Malta.
Id-diskors ta’ Casa huwa f’sintonija sħiħa ma’ dak li ħareġ minn fomm l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil meta ħadem u ddikjara fil-mituħ li kien se jaħdem kontra n-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.