Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fetħilha kontra dawk li fl-eqqel tal-kriżi tal-Partit Nazzjonalista, riedu jibdu l-isem u l-motto tal-Partit.
Fuq Facebook il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li hu rreżista bil-qawwa din il-mossa minn dawk li akkost ta’ kollox riedu jaħtfu l-Partit taħt idhom.
Qal li l-bidla li hemm bżonn m’għandiex tkun f’isem il-Partit imma fl-atteġjament ta’ wħud li jaħsbu li l-Partit Nazzjonalista tagħhom.
Huwa sigriet magħruf li hawnhekk Delia kien qed jirreferi għall-istess persuna li afda sabiex iwettaqlu r-riformi fil-Partit.
F’Ġunju li għadda ONE News żvela kif kien Louis Galea nnifsu li fl-laqgħa tal-eżekuttiv mill-aktar taħraq, ippropona biex il-Partit Nazzjonalista jibdel l-isem u l-motto tiegħu.
Fil-fatt l-isem propost kien dak ta’ Partit Popolari tal-Poplu.
Galea tqabbad minn Adrian Delia sabiex iwettaq riformi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista madankollu ż-żmien kixef kif kien Louis Galea nnifsu li filwaqt li kien fdat bir-riforma fil-Partit, wara bibien magħluqa, fis-satra tal-lejl kkonfoffa mad-deputati ribelli sabiex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Partit.
Dwar dan fl-aħħar jiem, is-sorsi ta’ One News ġewwa d-Dar Ċentrali rrimarkaw l-odju kbir li għandhom lejn Louise Galea hekk kif bl-atteġjament tiegħu fl-isfond tal-ġlied intern kbir li qed jaħkem lill-Partit f’Tal-Pietà, beżaq fl-id ta’ ħbiberija li ħariġlu l-Kap.
L-istess sorsi qalulna kif fl-istess waqt ma stennew qatt li Delia jdaħħal il-lupu fl-għalqa tiegħu.
Fuq il-messaġġ tiegħu fuq il-profil fuq Facebook, Delia stqarr ukoll li jekk jerġa’ jiġi magħżul Kap, l-ewwel deċiżjoni tiegħu tkun li jlaqqa’ l-Eżekuttiv sabiex hemm iressaq mozzjoni biex fl-istatut tidħol klawsola li tgħid li l-isem tal-Partit Nazzjonalista ma jinbidilx jekk mhux b’deċiżjoni ta’ aktar minn 75% tal-membri.