Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, iddikjara gwerra u qal li lest għal kull konfrontazzjoni ma’ dawk li sejjaħ bħala tradituri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Delia ddikjara dan f’messaġġ li bagħat bil-Whats App lill-membri tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, fl-għodwa tat-Tnejn fil-ħamsa ta’ filgħodu.
Il-messaġġ ma damx biex jiġi illikjat u ftit tal-ħin wara kien ippubblikat fuq The Times of Malta u fuq il-blog ta’ Manuel Delia.
Adrian Delia kiteb li waqt li l-Milied li għadda kien għal bosta żmien ta’ paċi u għożża, għall-Partit Nazzjonalista kien żmien ta’ battalja li fiha se jkun hemm min jirbaħ u min jitlef.
“We are at war no doubt remains” – kiteb Delia.
B’ħafna diskors figurattiv iżda dirett lejn il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, Delia qal li fi gwerra hemm merċenarji li jaġixxu għall-gwadann finanzjarju tagħhom.
“The time has come. The time is now” – kompla jikteb Delia.
Iżda dlonk kienet it-tweġiba tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li uża kwotazzjoni tal-kittieba Muriel Spark sabiex iwieġeb għall-messaġġ ta’ Delia.
Fuq Facebook Azzopardi kiteb – li huwa biss possibbli li tittradixxi, meta hemm nuqqas ta’ fiduċja.
Il-Kap Nazzjoalista bagħat dan il-messaġġ wara li l-gazzetti tal-Ħadd, irrapportaw kif qegħdin isiru manuvri u saħansitra laqgħat sigrieta biex Adrian Delia jitqaċċat minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Żewg deputati Nazzjonalisti li tkellmu mal-ILLUM ikkonfermaw li qegħdin isiru laqgħat sigrieta li fihom deputati Nazzjonalisti u uffiċjali tal-Partit, qegħdin jippjanaw kif se jneħħu lil Delia mit-tmun tal-Partit Nazzjonalista. Għal-laqgħat sigrieta qed jattendu n-nies tas-soltu.
Il-messaġġ li ġie llikjat, kompla joħloq aktar rabja u jqajjem aktar paniku fil-kurituri tad-Dar Ċentrali.
Dan għax fil-Kunsill Amministrativ tal-Partit Nazzjonalista hemm persuni qrib ħafna ta’ Adrian Delia u li huma meqjusa li jgawdu l-fiduċja tiegħu.
Fosthom David Stellini li huwa l-President tal-Kumitat Amministrattiv li mal-Malta Today stqarr li l-messaġġ li Delia bagħat fi grupp ristrett kellu jibqa’ messaġġ privat. Fl-istess waqt stqarr li jinsab imħasseb bis-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ The Malta Independent qalu li l-membri tal-kunsill amministrattiv ħadu l-messaġġ ta’ Delia bħala theddida.
Is-sorsi qalu li membri tal-kunsill amministrattiv u persuni oħra fil-Partit li appoġġjaw lil Delia fit-tellieqa għall-Kap, qegħdin ukoll jiddubitaw minnu u eventwalment qiegħed jitlef l-appoġġ tagħhom ukoll.