F’intervista mxandra anki fuq is-sit elettroniku tal-gazzetta Independent, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia deher skomdu meta ffaċċjat b’mistoqsija li laqtitu fil-laħam il-ħaj dwar il-kwistjoni tal-profili foloz fuq facebook li għamel Julian Micallef, ħabib sew tiegħu.
“Jumejn ilu dehret storja fejn persuna allega li persuna oħra viċin tiegħek, Julian Micallef kien qabdu biex isegwi l-mara tiegħek u anki biex jagħmel fake profiles biex jattakka deputati li kienu kritiċi tiegħek. Kont taf li qed jiġri hekk?” “Mhux talli li ma kontx naf, talli ma nafx sal-lum.”
Dawn il-profili foloz fuq il-midja soċjali huma parti minn storja li ħarġet fil-beraħ meta attivist Nazzjonalist kiteb lil Kap Adrian Delia u qallu li Julian Micallef qabdu jagħmel profili foloz biex jattakka deputati li ma jarawx għajn m’għajn mal-Kap.
Fl-intervista ma setax jonqos li għal dan l-aġir serju tax-xibka falza li ħoloq dak li kien ħobża u sikkina miegħu, jiġifieri Julian Micallef, Delia ddefendih b’ruħu u b’ġismu.
“U dak illi jingħad m’hemm ebda ċertazzjoni li minnu anzi jiena naħseb illi assolutament mhuwiex minnu”
F’dawn il-jiem tant kruċjali biex isalva ġildu, Delia kompla jiftaħ in-nar fuq il-fazzjoni l-oħra, dik ta’ Simon Busuttil.
“Pero imbagħad irridu nimxu ‘l quddiem u min l-intenzjoni tiegħu hija biss li jtellef, li jagħmel ħsara, illi jxekkel, allura dak ma hemmx iktar ħin x’jintilef u rridu nibqgħu mexjin ‘il quddiem ħalli nagħmlu dak li għandna bżonn nagħmlu għall-Partit Nazzjonalista.”
Huwa tenna li wara nhar is-Sibt, dawk li mhux se jiġbdu l-ħabel tiegħu, se jtajjarilhom rashom bla ħsieb ta’ xejn.
“Naċċerta lil kulħadd, inserraħ moħħ il-kulħadd illi d-deċiżjonijiet kollha iebsin kemm huma iebsin li jridu jittieħdu dwar kull min ixekkel l-operat tal-Partit Nazzjonalsita ħa jittieħdu.”