Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia naqas milli jsejjaħ l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, minkejja li t-Tnejn jerġa’ jiftaħ il-Parlament, wara l-btajjel tal-Milied. Irrappurtat dan it-Times of Malta, li kompliet tikteb dwar il-pressjoni li qiegħed jaffaċċja Delia sabiex jirriżenja minn Kap tal-Partit għax m’għandux appoġġ u qiegħed jibża’ jiltaqa’ mad-deputati Nazzjonlisti.
Wieħed mid-deputati Nazzjonalisti qal lit-Times li minkejja li fil-Parlament se jiddiskutu leġislazzjonijiet importanti u hemm bżonn li jieħdu pożizzjoni dwarhom, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ma tlaqqax.
Deputat Nazzjonalista ieħor qal lit-Times li Delia qiegħed jibża’ jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari, minħabba l-biża’ li jista’ jiffaċċja vot ta’ sfiduċja fit-tmexxija tal-Partit. Fil-fatt, it-Times of Malta rrapportat li iktar minn nofs id-deputati nazzjonalisti qablu li jiffirmaw d-dikjarazzjoni sabiex jippreżentaw vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia.
Fil-waqt li deputati Nazzjonalisti oħra qalu li lesti jivvutaw kontra Delia f’votazzjoni sigrieta. Aktar minn hekk, qalu li jekk tiġi ppreżentata mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia fil-Parlament, Marlene u Godfrey Farrugia li wkoll jiffurmaw parti mill-Oppożizzjoni, ukoll iddikjaraw li m’għandhomx fiduċja f’Adrian Delia.
Veteran fil-Partit Nazzjonalista li tkellem mat-Times qal li huwa infurmat li Delia ltaqa’ ma’ ftit mid-deputati Nazzjonalisti li qalulu ċar u tond li jrid jitlaq minn Kap, sabiex l-Oppożizzjoni tkun vera kredibbli.
Minkejja, li l-ftit persuni qrib Adrian Delia bħal Clyde Puli u Pierre Portelli qegħdin jgħidulu biex ma jirriżenjax, ħafna deputati Nazzjonalisti jemmnu li Delia għandu jwarrab minn Kap Nazzjonalista.
“Sfortunatament, huwa ċar li b’Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jikseb l-appoġġ tal-elettorat”, qal deputat nazzjonalista ieħor lit-Times of Malta.
Li Adrian Delia m’għandux l-appoġġ tad-deputati Nazzjonalisti kien ikkonfermat ukoll f’rally li ġie organizzat għall-attivisti Nazzjonalisti l-Ħamis fejn deputati li attendew għal dan ir-rally kont tgħoddhom fuq ponot subagħjk.