Il-Partit Nazzjonalista baqa’ mingħajr rappreżentant fuq l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Dan wara li ma nnomina lil ħadd minkejja li għaddew xhur mir-riżenja tal-Professur Maria Attard li kienet tirrappreżentah qabel. Dan qalitu l-gazzetta KullĦadd fejn hija mgħarrfa li kienu diversi drabi li l-Partit Nazzjonalista nġibditlu l-attenzjoni dwar din in-nomina.
Iżda minkejja kollox u minkejja d-diskors tiegħu fuq l-importanza tal-ambjent ħalla vojt is-siġġu tiegħu fuq din l-entità maħsuba biex tħares u tippromwovi l-ambjent. La l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia u lanqas il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent, Karol Aquilina, ma kkomunikaw b’isem.
Il-bord għandu 10 membri u segretarju u dawk innominati fuqu huma esperti f’setturi marbuta b’mod dirett jew indirettament mal-ambjent. Iċ-Ċermen tal-bord hu Victor Axiak u kemm ilha li twaqqfet l-Awtorità qed tikber fl-importanza tagħha. Fuq il-bord hemm ukoll rappreżentant tal-għaqdiet ambjentali. Fil-fatt kulħadd innomina r-rappreżentanti tiegħu bl-uniku siġġu vojt hu dak tal-Partit Nazzjonalista.
Jirriżulta li meta Simon Busuttil kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni, f’Lulju li għadda kien prova jinnomina lill-Avukat Karol Aquilina wieħed mill-iktar nies qrib tiegħu fil-PN. Iżda, Simon Busuttil ma kienx jaf li l-liġi tgħid li biex bniedem ikun nominat fuq il-bord tal-ERA ma jistax ikun Membru Parlamentari. Minn hemm ’il quddiem imbagħad kienu injorati t-talbiet kollha biex il-PN jinnomina r-rappreżentant tiegħu anke jekk qatt ma kien hemm kontroversja dwar is-sehem tal-Oppożizzjoni fuq din l-aġenzija. Fuq kollox il-membru tal-Oppożizzjoni huwa wkoll membru bil-vot.
Iżda, din mhix l-ewwel darba li l-PN ta dahru lill-ambjent b’għemilu. Adrian Delia ma nnomina lil ħadd lanqas fuq kumitat maħsub biex jiddiskuti l-istrateġija li għandu jieħu l-pajjiż fil-qasam tal-iskart. Il-Partit Laburista kien sejjaħ bħala irresponsabbli d-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma jiħux sehem fil-kumitat tekniku maħtur biex jevalwa l-użu tat-teknoloġija fil-proċess li għandu jwassal biex skart jinbidel f’enerġija.
Il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-mod kif se niddisponu minnu hija waħda mill-akbar sfidi għal pajjiżna.
Mhux ambjent biss
Iżda, ma kienx biss il-bord tal-ERA li spiċċa baqa’ mingħajr rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista. L-istess seħħ fuq il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia baqa’ ma nnomina lil ħadd.
Minflok kienet Marlene Farrugia tal-Partit Demokratiku li biex teħodlu t-tapit minn taħt saqajh provat tinnomina xi ħadd hi. Iżda, dan ma setgħetx tagħmlu għaliex mhijiex il-Kap tal-Oppożizzjoni. Hi kienet innominat lil Philip Micallef, eks Kap Eżekuttiv tal-Air Malta.
Il-Gvern fisser kif in-nomina tal-Partit Demokratiku għal membru tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata għaliex m’għandhiex bażi legali skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
L-artiklu 3(1) tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni jipprovdi li l-membri tal-Kummissjoni jridu jinħatru mill-President ta’ Malta li taġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Bħala prassi, il-Kap tal-Oppożizzjoni jinnomina persuna hu għal din il-Kummissjoni. Il-Gvern qed jistenna n-nomina tal-Kap tal-Oppożizzjoni li naqas milli jinnomina din il-persuna,” qal il-Gvern fi stqarrija.