Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali jirreferi għall-istqarrija li għamel ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni waqt laqgħa li żamm mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi b’rabta mal-bidla fil-liġi tal-kera, fejn għal darba oħra kkritika iżda sfortunatament reġa’ ma għamilx proposti.
Filwaqt li l-gvern ifakkar li l-Oppożizzjoni vvutat favur fit-tieni qari fil-Parlament tal-liġi li issa trid temenda, il-gvern xorta jħares ’il quddiem b’interess għal dawn l-emendi. Wieħed jittama li dawn l-emendi jżommu l-element ta’ bilanċ li tilħaq il-liġi preżenti.
Il-gvern sa mill-ewwel ġurnata saħaq li f’dan il-qasam għandu jkun hemm bilanċ kemm jista’ jkun bejn il-kerrej u s-sid u allura biex ikun hemm protezzjoni kemm jista’ jkun għaż-żewġ partijiet.
Il-gvern huwa impenjat li jilleġiżla sabiex ikun hemm il-bidliet meħtieġa fl-interess ta’ kulħadd, iżda bħal dejjem jibqa’ dejjem lest u miftuħ għad-djalogu, ġej minn fejn ġej u allura jħares ’il quddiem li jiddiskuti ma’ kulħadd.