Il-ġlied bejn iż-żewġ fazzjonijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għadhom jiddominaw fuq il-midja soċjali.
Dan minkejja l-avviżi ta’ Bernard Grech u l-eqreb persuni tiegħu lid-deputati sabiex jostru l-ġlied intern fuq pjattaformi pubbliċi.
Xhieda ta’ dan huwa kumment tal-eks Kap Adrian Delia fuq Facebook is-Sibt.
B’reazzjoni għal ritratt li Adrian Delia tella’ ma’ Ivan Bartolo, persuna qrib l-eks Kap viżibbilment urtata għall-mod ta’ kif Adrian Delia tqaċċat mill-Partit mill-establishment, kiteb lil Delia u qallu li jagħmel żball jitħallat ma’ dawn it-tip ta’ nies.
Din il-persuna tfakkar ukoll kif Ivan Bartolo ħadem kontra Adrian Delia.
Qallu hekk: “Tiżbalja Kap titħallat ma dawn it-tip ta’ nies. Safejn naf jien dan Id-deputat Nazzjonalista kien wieħed minn dawk li konfoffaw u ħadmu kontrik.”
Hawnhekk din il-persuna kienet qed tirreferi għal kif Ivan Bartolo fil-fatt kien wieħed minn 19-il deputat li vvutaw biex jisfiduċja lil Delia.
Għal dan il-kumment Adrian Delia ħa l-opportunità li jibbottja lit-tmexxija attwali u l-establishment ta’ warajha.
Dan speċjalment wara li sorsi fil-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ ONE News kif kien hemm allegata ħadma kontrih dwar allegazzjoni li kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech, fl-istess żmien li kien qed isir dibattitu parlamentari dwar il-kumpanija 17 Black.
Għal dan il-kumment Adrian Delia qal li hemm minn joqtlok b’ilsienu u jittama li ma jkunx bħal dawn in-nies.
Riferenza ċara għall-istejjer kordinati li ħarġu u li sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali qalulna li involvew lill-istrateġist ta’ Bernard Grech, Christian Peregin. Dan hekk kif kien is-sit Lovin Malta li ħareġ bl-allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Kap. L-istess sit li bena Christian Peregin.
Din l-allegazzjoni Christian Peregin ċaħadha minkejja li hu kemm-il darba kiteb u tefa’ pressjoni fuq Adrian Delia biex huwa jirriżenja minn Kap.
Fost l-oħrajn Peregin kien kiteb dwar każ personali ta’ Delia u staqsa jekk hiex idea tajba li l-Partit Nazzjonalista jmur għall-elezzjoni li jmiss b’Adrian Delia Kap.