Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia giddeb lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li l-ġimgħa l-oħra reġa’ qajjem żbroff fil-Partit Nazzjonalista. F’laqgħa tal-grupp parlamentari l-ġimgħa l-oħra, Jason Azzopardi akkuża lil Delia li qarraq bid-deputati meta l-ewwel qalilhom li kien se jirrifletti dwar il-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija tal-partit u wara ħames minuti qal lill-ġurnalisti li se jibqa’ Kap sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fil-programm Dissett, Delia mera dak li qalu fi stqarrija d-deputati ta’ Busuttil u li fiha talbu biex iwarrab. Delia saħansitra qal il-kontra ta’ dak li qal Azzopardi fejn saħaq li fil-laqgħa tal-grupp parlamentari ma kien hemm l-ebda ftehim.
Il-Kap Nazzjonalista spiċċa anki jikkontradixxi dak li qalu Robert Arrigo u Clyde Puli dwar il-ġlied fil-Partit. Filwaqt li fl-ittra tar-riżenja, Puli kiteb li kellu ħafna firefighting li ħlielu l-ħin, Delia qal bil-maqlub.
Fil-programm spikkaw ukoll kummenti ta’ David Griscti, eks President tal-forum tal-ideat tal-Partit Nazzjonalista, l-AŻAD li wera kif fazzjoni baqgħet taqta’ saqajn oħra. Griscti, li fl-aħħar jiem kellu kliem iebes għal Adrian Delia, saħaq li n-nies ta’ Busuttil twarrbu minn Delia.
Saħansitra qal li l-Partit ġie kważi apartheid, sistema razzjali li ġabet mibegħda kbira.