F’siegħa programm fuq ix-xandir nazzjonali, Adrian Delia ma qagħadx lura u ħela kemm felaħ fuq il-fazzjoni kontrih li sfiduċjatu.
Ftit sigħat wara li l-President ta’ Malta qal li għalkemm Delia tilef il-fiduċja tal-maġġoranza tad-deputati tiegħu iżda huwa għadu kap tal-partit u allura skont il-Kostituzzjoni jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni, Delia fetaħ attakk sfrenat fuq dawk li sfiduċjawh u qalilhom li jekk iridu Kap tal-Oppożizzjoni li ma jkunx hu, iridu jitilqu mill-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal: “Jekk irid jkollhom il-Kap tal-Oppożizzjoni tagħhom, l-għażla tagħhom illi jitilqu mill-Partit Nazzjonalista għax huwa l-unika mod illi jkollok Kap tal-Oppożizzjoni illi mhuwiex Adrian Delia.”
Adrian Delia qal li dawk li sfiduċjawh jippretendu jkunu avukati iżda mbagħad m’għandhomx id-diċenza li jxandru isimhom bħala dawk li sfiduċjawh f’vot sigriet.
Delia sostna: “Jippretendu jkunu l-avukati illi jxandru l-pariri tagħhom fil-beraħ imma imbagħad ma jkollokx id-diċenza illi jagħtu isimhom fil-beraħ.”
B’ton iebes, Delia nnota kif m’għadhomx dsatax-il deputat li sfiduċjawh, l-ewwel nett għax hemm żewġ membri fil-Parlament Ewropew u wieħed mill-membri astjena, kif żvela ONE News f’kumment esklussivi t-Tnejn filgħodu.
Delia saħaq: “Id-dsatax kienu jinkludu iż-żewġ MEPs illi allura l-vot tagħhom m’għandux x’jaqsam f’dak li għandu x’jaqsam il-Kostituzzjoni, għax ma jgħoddx. Mela sbatax, illi minnhom, wieħed minnhom ma vvutax li jisfiduċjani meta mar għand il-President, mela huma sittax u issa iktar kmieni wara nofsinhar, meta ħarġu stqarrija oħra, m’għadhomx jgħidu li huma sbatax imma issa ġew il-maġġoranza.”
F’botta ċara lil tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Delia qal li dawk li suppost josservaw il-liġi u s-saltna tad-dritt issa nfexxew f’attakk fuq il-President.
Huwa tenna: “Ma jistax jkun illi xi ħadd, illi suppost josserva l-liġi tad-dritt, josserva s-saltna tad-dritt, jgħid illi jemmen fil-liġi u fl-istituzzjonijiet u tmur għand il-President, il-President jiddelibera u imbagħad għax dak li jgħid il-President, li huwa skont il-liġi, skont il-Kostituzzjoni, jekk ma jogħġbokx tattaka l-figura tal-President ta’ pajjiżna. Dan ma jagħmilx ġieh lil min jagħmlu u naħseb inkunu qed nonqsu lejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżna illi ngħaddu kliem dispreġjattiv fuq il-President ta’ pajjiżna.”
Il-Kap Nazzjonalista mbagħad fetħilha iżjed u akkużahom li lanqas l-istatut mhuma jirrispettaw.
Delia qal: “Illi forsi ma fehmux li anki l-istatut tal-partit jgħid b’mod ċar illi għandu jkun il-Kap tal-Partit li jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni, meta fl-Oppożizzjoni, il-Kap tal-partit illi għandu jkun il-Prim Ministru meta fil-Gvern.”
F’dikjarazzjoni waħda wara l-oħra minn Adrian Delia lejn dawn id-deputati li sfiduċjaw, akkuzhom li qed jagħmlu ħsara l-Partit Nazzjonalista.
Huwa kompla jgħid: “Jiena naħseb id-deċiżjoni diġà għamluha huma, Brian. Għax inti meta tagħmel aġir biss illi huwa evidenti illi jwassal biex idgħajjef il-leader tiegħek, meta tagħmel aġir illi huwa evidenti illi magħmul biex jagħmel il-ħsara lill-partit tiegħek.”
Akkużahom ukoll b’rikatt: “U din mhiex aċċettabbli, Brian, mhiex aċċettabbli li jkollok fil-partit stess min jipprova jirrikata biex jirbaħ.
Fil-programm nstemgħet dikjarazzjoni li għamel id-deputat Nazzjonalista David Thake fejn sejjaħ lil Delia mostru.
Thake appella: “Ejjew ingħaqdu magħna biex il-partit neħilsuh minn dan il-mostru li qed jipprova jaħkmu.”
Delia qal li mhux se jaqa’ għal livell ta’ David Thake u qal li dan huwa diskors ta’ kattiverja.
Delia kompla: “Għaliex inti tuża dak id-diskors, b’dik il-kattiverja.”
“Ma naħsibx illi se naqa’ għal-livelli illi naħseb ma jixraqx għal min huwa fil-politika biex jaqdi u jservi.”
Fil-programm tkellem ukoll l-opinjonista Simon Mercieca u fisser il-ġlied kbir fil-Partit Nazzjonalista.
Mercieca stqarr: “Għandek numru ta’ deputati li jafu li jekk ħerġin għall-elezzjoni, fl-elezzjoni li ġejja mhux se jitilgħu u l-ħin kollu qed jagħmlu l-bsaten fir-roti kontra A, kontra B, kontra C, kontra D, kontra E. Biex mingħalihom iżommu d-distrett.”