Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia baqa’ jirrifjuta li jitlob inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet gravi li għamlet dwaru l-blogger Daphne Caruana Galizia.
Mistoqsi minn ġurnalisti indipendenti għal darba tnejn tlieta jekk hux se jitlob li ssir inkjesta dwar l-allegazzjonijiet gravi li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey li ġejjin mill-prostituzzjoni, Delia qal lill-ġurnalisti li mgħandux x’jaħbi u li jekk issir investigazzjoni dwaru mhu se jinstab xejn.
Meta kien mistoqsi: “Jekk issir investigazzjoni fil-konfront tiegħek inti bħala persuna għandek il-konfort li mhux se jinstab xejn?” Delia wieġeb: “Jien mhux il-konfort ghandi imma ċ-ċertezza.”
Mistoqsi għalhekk għax għadu jirreżisti li jitlob inkjesta dwar l-akkużi li għamlitlu Caruana Galizia, Delia qal li l-ġurnalisti mhux jifhmu kif jaħdmu l-proċeduri f’Malta.
Delia reġa’ kien mistoqsi: “Dr delia fuq l-aħħar punt li għamilt li m’għandek xejn x’titlef mela għalfejn ma titlobhiex investigazzjoni fuqek speċjalment meta l-kredibilità tiegħek għadha in question?” Delia wieġeb:
“Forsi m’aħniex qed niftehmu kif jaħdmu l-proċeduri f’Malta.”
Il-Kap Nazzjonalista li fl-aħħar xhur għamel tiegħu bosta allegazzjonjiet ta’ Caruana Galizia inkluż il-gidba Egrant, qal li dak li kitbet dwaru kien biss gideb.
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Jiġifieri dak li allegat Daphne Caruana Galizia fil-konfront tiegħek qed tgħid li huwa gideb?” Delia wieġeb:“Assolutament m’hemm xejn minnu.”
Delia qal dan ftit wara li ħareġ mid-depot tal-Pulizija fejn ressaq denunzja biex jittieħdu passi fil-konfront ta’ Karl Cini tan-Nexia BT li ssemma fil-konklużjonijiet tal-Inkjesta Egrant.
Mistoqsi minn ONE News għaliex m’għamilx l-istess fil-konfront tar-Russa Maria Efimova u Jonathan Ferris, Delia kkonferma li naqas milli jagħmel dan.
Meta kien mistoqsi: “Dwar it-talba tiegħek illum se tkun qed titlob ukoll l-istess dwar Efimova u Jonathan Ferris?”
Delia wieġeb: “Jekk tara l-konklużjonijiet tar-rapport huma ċari.”
Il-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant mhux biss ikkonfermat il-gidba li saret fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat u familtu b’dokumenti foloz u ffabbrikati, iżda talbet ukoll li jittieħdu passi kriminali kontra Maria Efimova u Jonathan Ferris dwar kalunja u ġurament falz li ħadu.