F’edizzjoni online tal-programm Xarabank, iż-żewġ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, għalkemm mhux flimkien f’dibattitu, tqabbdu kemm felħu u għaddew il-botti fl-eqqel ta’ ġlieda oħra għat-tmexxija.
Fl-isfond li l-Viċi Kap Nazzjonalista u feles ta’ Delia, Robert Arrigo, wiegħed il-flus lil kull każin Nazzjonalista, Bernard Grech qal hekk.
“Jien l-under-dog, jien la għandi l-finanzi tal-Partit, la għandi f’idejja l-proprjetà tal-Partit, la għandi f’idejja l-istrutturi tal-Partit, jien ġej minn barra.”
Min-naħa l-oħra, Adrian Delia tkellem dwar Bernard Grech bħala l-kandidat tal-fazzjoni li qed tagħmel il-ħsara u trid teqirdu, dik ta’ Simon Busuttil.
“Bernard Grech mhux Bernard Grech waħdu imma, u dan intqal pubblikament fil-gazzetti, f’negozjati illi saru biex prattikament huwa r-rappreżentant magħżul ta’ numru ta’ parlamentari tagħna illi ġejjin mill-passat tal-Partit Nazzjonalista u allura l-faċċata għalkemm ġdida tirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista pre-2013.”
Lil ta’ Busuttil, primarjament lil Jason Azzopardi, Delia diġà urih il-bieb ta’ barra.
“Meta pero jkollok sitwazzjoni fejn hemm min ma jridix l-għaqda, inutli tibqa’ tgħid irrid l-għaqda bil-kliem, bil-paroli, meta jkun hemm xi ħadd li qed jaħdem kontriha u allura d-dikjarazzjonijiet konsistenti, gideb, fabbrikazzjonijiet illi jsiru, jagħmlu dik ir-relazzjoni totalment inaċċettabbli u allura bniedem irid jimxi ‘l quddiem…Jiġifieri imma għadek tgħid li ma tridux lil Jason Azzopardi?” “Naħseb iddikjaraha hu diversi drabi l-pożizzjoni tiegħu, b’dak li qal, b’dak li xerred, b’dak li insinwa.” “Le inti x’se tagħmel? Nixtieq insaqsik.” “Diġà kont ċar, iva le ma jistax ikollu post fil-grupp li nkun qed immexxi jien.”
Delia kompla jsemmi l-ostakli li sab u li ħallewlu ta’ qablu, primarjament Simon Busuttil.
“Nibda nsemmilek ostakli, sibt ostaklu pereżempju illi kien hemm partit b’issues, problemi finanzjarji kbar.”
Intant Bernard Grech ġie mistoqsi anki dwar il-kwistjoni tal-abort u qal li jivvota skont x’ikun.
“Kif tivvota?” “Eħe jien naħseb li nivvota skont il-pożizzjoni li jkolli għax altru tkun Prim Ministru u altru ma tkunx Prim Ministru.”
Fuq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, Bernard Grech ma ntebaħx li l-Parlament, kemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni diġà vvutaw favur li dan il-proġett isir.
Ma ftakarx ukoll li l-Partit Nazzjonalista wiegħed il-mina f’żewġ programmi elettorali u imbagħad kejjel b’xiber l-istess partit li jaspira li jmexxi, billi qal li ftit xhur qabel l-elezzjoni, dan il-proġett jiġi mwiegħed imbagħad jintesa’.
“S’issa fuq il-mina ilna nisimgħu mhux għexieren ta’ snin, naħseb tletin, erbgħin, ħamsin sena u s’issa għadha ma mmaterjalizzatx ruħha. Issa ovvjament tiġi elezzjoni, tliet xhur qabel nibdew insemmuha. Din anki għamilniha meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern.”
Lill-membri parlamentari Ewropej, David Casa u Roberta Metsola, mill-fazzjoni Busuttil, Bernard Grech iddefendihom meta jivvutaw fuq Malta.
“Imma għax tgħidilhom li qed jivvutaw kontra pajjiżhom, Pep?”
“Jien ma naqbilx u ma naċċettax li l-MEP ikun qed jaħdem kontra Malta, din hija cliché.”
Imbagħad fil-programm, Delia reġa’ nfexx jattakka lil dawk li jridu jniżżluh u tefa’ botta anki lil Lawrence Gonzi li ġie rappurtat li flimkien ma’ Louis Galea qed imexxi l-kampanja ta’ Bernard Grech.
“Imma m’aċċettawx illi jien, xi ħadd ġej minn barra, xi ħadd ġdid inkun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-istess nies ironikament illi issa, l-ewwel qalu li jridu contest open għall-Kap tal-Partit u imbagħad ftehmu bejniethom biex jikkonvinċu lil kulħadd ma joħroġx għal din il-contest ħalli jagħżlu huma lil min joħroġ.”
“Imma x’Partit irridu aħna illi kull sena jkun hemm elezzjoni?”
“U naċċertaw illi ma mmorrux lura għal dak il-Partit ta’ qabel l-2013 illi tant Nazzjonalisti telquh.”
Filwaqt li Adrian Delia qal li kien hemm min b’konvenjenza tah pariri ħżiena, Bernard Grech qal li jekk imexxi hu l-partit, lil Delia itih qasam biex ikun kelliem tiegħu.
“Naħseb li xi daqqiet flok imxejt mal-konvinzjonijiet tiegħi, mal-istint tiegħi, forsi smajt wisq m’għand dawk li forsi kienu politiċi konvenzjonali.”
“Naħseb li bla dubju jista’ jkun anki shadow ta’ aspett jew ieħor fix-shadow cabinet.”