Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għamilha ċara li kien jippreferi li Simon Busuttil jitlaq mill-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Dan il-messaġġ ċar bagħtu lbieraħ meta kien qed jieħu sehem fi programm fuq ir-radju u kien mistoqsi dwar hekk. Qal li kieku kien hu minflok Simon Busuttil kien jagħmel kif għamel Lawrence Gonzi wara li Simon Busuttil sar kap.
Mistoqsi jekk Busuttil hux jagħmillu l-ħsara bil-pass li ħa Delia ma qalx li le. Qal biss li dak jarah hu u fuq kollox “dak jiġġudikawh in-nies.”
Id-dikjarazzjoni li Adrian Delia għamel b’mod skjett ħafna ma kinetx sorpriża. Dan għax deputati li jappoġġjaw lil Delia diġà kienu qalu li Busuttil kellu jwarrab.
Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone, li fl-aħħar xhur ħadem qatigħ biex jara lil Adrian Delia bħala kap tal-Partit Nazzjonalista, kien diġà ddikjara li ma kinitx idea tajba li Simon Busuttil jibqa’ jokkupa s-siġġu parlamentari u li kien ikun aktar għaqli li jagħti spazju għall-kap il-ġdid.
Saħansitra ddikjara li meta rriżenja minn kap tal-Partit Nazzjonalista, Busuttil kellu jirriżenja wkoll mill-Parlament.
Tal-istess fehma kien id-deputat Nazzjonalista Mario Galea li fil-bidu tal-kampanja għall-kap tal-Partit Nazzjonalista ddikjara li Busuttil ma kellux iżomm is-siġġu parlamentari. Huwa kien sostna li għalkemm għandu d-dritt jibqa’, għandu jitlaq mill-Parlament ladarba ddeċieda li jirriżenja.
“Mhux jibqa’ fid-dell tal-Kap il-ġdid ikun min ikun,” kiteb Mario Galea fl-aħħar xhur filwaqt li fakkar kif Lawrence Gonzi ta’ ġentlom li hu meta ddeċieda li jirreżenja minn kap tal-Partit wara t-telfa tal-2013, ċeda mill-ewwel is-siġġu parlamentari.
Iżda, Simon Busuttil insista iktar minn darba li se jibqa’ membru tal-Parlament Malti. Meta kien nominat fuq kumitat li għandu l-funzjoni li jintervista u jagħti pariri fuq min għandu l-kompetenza li jservi bħala Imħallef tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sostna li se jibqa’ membru parlamentari.
Saħansitra l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija bit-titlu “Simon Busuttil se jibqa’ Membru Parlamentari.”
“Il-Kumitat jiltaqa’ biss għal ftit laqgħat fis-sena u għaldaqstant Dr Busuttil se jibqa’ jservi bħala Membru tal-Parlament hawn Malta, fejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni se tibqa’ l-prijorità politika ewlenija tiegħu,” kien intqal f’dikjarazzjoni li kienet ripetuta iktar minn darba.