Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-ribelli li riedu jqaċċtuh mit-tmun tal-Partit Nazzjonalista akkost ta’ kollox ma ridux li t-tesserati jagħżlu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Delia qal dan waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali hekk kif tkellem wara intervista li kellu Bernard Grech.
“Allura jiena qbadt il-barra minn qrunu, nagħmlu dan l-eżerċizzju, ngħaddu minnhu, nissaħħu…” Qal Delia iżda l-preżentatur qallu, “Kien hemm il-mozzjoni tal-oħrajn li riedu jmorru għand it-tesserati..” u Delia wieġeb, “Le l-oħrajn ma riedux. Pruvaw imorru għand il-President biex ma jmorrux għand it-tesserati.”
F’intervista ta’ madwar kwarta, il-Kap tal-Oppożizzjoni spara kemm felaħ fuq ir-ribelli li minn dejjem pruvaw itajrulu rasu.
Adrian Delia beda billi ħadha kontra Jason Azzopardi hekk kif qal li jekk jirbaħ, Azzopardi m’għandux post f’Partit immexxi minnu.
Delia qal, “Fuq Jason Azzopardi naħseb li diġà kont ċar u tkellimt anke fil-pubbliku. Dan oltrepassa linja li f’moħħi hija ċara ħafna naħseb induna kulħadd anke b’ċertu diskors li ma jixraqx li jiġi mxerred b’mod qarrieqi u giddieb u allura m’għandu ebda post fi grupp li jkun immexxi minni.”
Dan l-istess kliem sostnieh għall-bqija tad-deputati li għal darba wara oħra sfiduċjawh.
Hu qal,”Huwa ċar li hemm min ma jridx jaħdem u allura l-pożizzjoni tagħhom m’hijiex tenibbli f’din it-tip ta’ kuntest.”
Delia spjega li meta fis-Sajf tal-2017 ġie elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, qatt ma stenna li ser isib persuni li jxekklu mhux biss lilu iżda l-Partit innifsu.
“Le ma nistenniex li jkun hemm persuni, personaġġi li dawn minkejja kollox, at all costs, sempliċiment biex jirritjenu pożizzjonijiet u saħħiet ikunu lesti mhux jagħmlu ħsara lili personali imma ħsara lill-Partit tagħhom stess. Ma ħsibtx le li ser ikun hemm min sal-aħħar jagħmel din it-tip ta’ xkielu u ħsara.” Qal Delia.
Fil-fatt Delia ammetta li kien hemm min qarraq bih.
Delia qal, “Fhimt li kien hemm ġenwinità fejn ma kienx hemm.”
Minkejja dan kollu Adrian Delia qal li s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista m’hijiex waħda traġika u ma ġara xejn billi Bernard Grech qed jikkontesta kontrih għall-elezzjoni tal-Kap.
“L-episodji ma jispiċċaw qatt. Waħda wara l-oħra però mhux traġedja.” Qal Delia u l-preżentatur saqsieh,“Issa kif tispjega li qed jikkontestak?” Delia wieġeb, “B’daqsekk ma tfisser xejn.”