Fil-każin Nazzjonalista ta’ Santa Luċija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħeġġeġ lin-nies biex jiġġieldu.
Tul id-diskors tiegħu, b’ton isteriku, tilifha għal ħafna drabi.
“Xogħlok, xogħlna, Maltin u Għawdxin huwa li nibqgħu niġġieldu.” Qal Delia.
Adrian Delia ddedika ħafna mid-diskors tiegħu jikkritika kull settur fosthom is-settur ambjentali u dak tas-saħħa. F’attakk wieħed wara l-ieħor fuq il-ħidma tal-gvern, Delia attakka lill-pajjiżna.
Il-Kap Nazzjonalista qal, “Mhux falliet. Malta qiegħda l-aħħar bi kbir.”
F’botta lejn il-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, Adrian Delia qal li hu għandu kollox kontrih biex b’hekk il-firda fil-partit li jmexxi baqgħet evidenti u waħda fonda.
“Meta kollox huwa kontra trid tiġġieled aktar.” Kompla jgħid.
Miegħu ingħaqad id-deputat nazzjonalista Edwin Vassallo, wieħed minn tal-fazzjoni Delia. Dan ukoll biex jinbex lil tal-fazzjoni l-oħra għadda botta lil ta’ Busuttil.
“Bħalissa kulħadd itik fuq dahrek u int trid tibqa’ għaddej.” Qal Vassallo.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li huwa ċar li Adrian Delia jinsab maqtugħ minn dak li għaddej madwaru.
Il-Partit Laburista qal li minkejja li l-familji Maltin u Għawdxin mexjin ‘il quddiem u huma ottimisti wara perjodu iebes, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jibqa’ jkun negattiv.
“Hemm differenza ċara wkoll bejn min iparla ħafna u min jaġixxi. Filwaqt li Adrian Delia mheddi jparla u jordna inkjesti barra fuqu nnifsu, il-Prim Ministru, mal-mument tal-ħatra tiegħu waqqaf kumitat biex jevalwa kuntratt mal-privat fil-qasam tas-saħħa biex b’hekk ikun assigurat l-aqwa interess tas-saħħa f’pajjiżna”, saħqet l-istqarrija tal-Partit Laburista.
“Dik hija d-differenza li qed tkun innotata”, temm jgħid l-Partit Laburista.