Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ nfexx f’dagħdigħa oħra kontra dak kollu li qed jagħmel il-Gvern sabiex jiġġieled il-pandemija tal-Covid-19.
Fuq ir-radju tiegħu s-Sibt filgħodu, Adrian Delia ddikjara li l-Gvern mhux preparat.
Huwa qal: “L-unpreparedness tal-Gvern hija ċara daqs il-kristall.”
Delia fetħilha wkoll b’mod partikolari kontra s-settur tas-saħħa. Hu sostna: “Servizzi tas-saħħa m’għandniex biżżejjed.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Delia fuq il-qasam tas-saħħa ġew propju sigħat wara li rapport ta’ sit awtorevoli ‘Investment Migration Insider’ innota kif Malta kienet fost l-iktar pajjiżi fid-dinja preparati għall-imxija tal-Coronavirus.
Dan filwaqt li l-għaqda dinjija tas-saħħa qalet li Malta għandha sservi ta’ eżempju għall-pajjiżi oħra fil-mod kif qed tikkontrolla l-imxija.
Imbagħad quddiem in-nefqa sa issa ta’ erba’ miljun u mitejn elf ewro f’benefiċċji soċjali, anki lil dawk milquta mill-pandemija, Delia qal din id-dikjarazzjoni: “Tilef ir-ruħ soċjali.”
F’intervent t’aktar min-nofs siegħa, iħambaq waħdu, Delia kompla b’disors negattiv u jattakka lil Malta. Huwa kompla jgħid: “Malta tintefa’ fil-lista s-sewda.”
Attakka wkoll il-proċess ta’ ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, jum wara li fil-jum tal-Ġimgħa, għall-ewwel darba fl-istorja ħarġet is-sejħa pubblika għall-ogħla kariga fil-korp.
Huwa saħaq: “Wara li għaddiet il-liġi, wara li l-Gvern webbes rasu u jrid jagħżlu hu.”
Delia tenna’ dan l-attakk ukoll fi stqarrija meta qal li l-proċess imur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
Iżda kuntrarju għad-dikjarazzjonijiet ta’ Delia, il-proċess huwa konformi ma’ dak li tgħid il-Kummissjoni Venezja u saħansitra jmur pass iżjed ‘il quddiem mir-rakkomandazzjonijiet hekk il-Prim Ministru Robert Abela reħa minn idu l-veto fuq il-persuna magħżula u se jkun il-Parlament li jiskrutinizza min għandu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.