Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kellu messaġġ ċar lejn id-Deputati mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil. Qalilhom li ħadd mhu se jipprova jfixkel u jwaqqaf it-tmexxija tal-Partit.
Fil-każin Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żabbar, Adrian Delia kellu messaġġ ċar lejn l-esponenti tal-fazzjoni Busuttil, li jridu jerġgħu jiksbu l-poter tal-Partit Nazzjonalista f’idejhom. Huwa qal li jinsab determinat li jibqa’ Kap Nazzjonalista, minkejja l-bsaten fir-roti mill-fazzjoni Busuttil.
Delia qal: “Għalxejn tippruvaw tfixxkluna u twaqqfuna.”
Minkejja l-gwerra li hemm fil-Partit Nazzjonalista, bejn il-fazzjoni Delia u l-fazzjoni Busuttil, Adrian Delia xorta prova jintgħoġob mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil. Ostaġġ minn din il-fazzjoni li qatt ma aċċettatu Kap tant li qed tikkonfoffa kontrih biex twarrbu mit-tmexxija tal-Partit, Adrian Delia infexx jattakka lill-pajjizna u qal li Malta għandha tebgħa sewda fuq isimha.
Delia tenna: “Għandna tebgħa sewda fuq isimna.”
F’dagħdigħa negattiva bla qies u mingħajr ebda viżjoni għall-pajjiżna, Delia qal li pajjizna qiegħed ifalli mill-eżamijiet u injora għalkollox ir-riżultati ekonomiċi pożittivi li kiseb pajjizna u se jkompli jikseb fis-snin li ġejjin. Delia sostna: “Fallejna mill-eżamijiet.”
Ironikament, Delia nissel dan il-kliem fl-istess ġimgħa li matulha tliet entitajiet internazzjonali, Moody’s, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fondi Monetarju Internazzjonali kellhom mhux biss prospetti sbieħ għall-pajjiżna, iżda reġgħu kkonfermaw lil Malta fil-livell ta’ A bi prospetti pożittivi.
Il-Kap Nazzjonalista attakka wkoll l-implimentazzoni tal-miżura mħabbra fil-budget għal din is-sena ta’ bonus addizzjonali biex jagħmel tajjeb għal żidiet li ma rriflettewx fil-kumpens għall-għoli tal-ħajja.
Delia kompla jgħid: “U jibgħat €15-il ewro lil 100,000 persuna.”
F’nofs il-ġimgħa, aktar minn mija u wieħed u tmenin elf familja f’Malta u Għawdex bdew jirċievu ċekk ta’ bejn €15 u €35 biex jagħmlu tajjeb għaż-żidiet li kien hemm is-sena li għaddiet. Miżura li se tiswa lill-Gvern €5,300,000. Madankollu, Delia ħareġ kontra dan il-kumpens, l-istess kif għamel meta l-Gvern beda jibgħat iċ-ċekkijiet lill-ħaddiema kollha fi traħħis tat-taxxa.