Meta l-Partit Nazzjonalista qed jistenna biex jew iżomm lil Adrian Delia bħala Kap jew jagħżel lil Bernard Grech, Delia stqarr li l-Partit Nazzjonalista għandu direzzjoni ċara.
Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tiegħu s-Sibt filgħodu, li għaliha sejjaħ lill-midja biex tisimgħu fl-istess ħin li kien se jitkellem, Delia nfexx jattakka l-viżjoni ekonomika tal-Prim Ministru Robert Abela msejsa fuq ħames prinċipji.
Din il-viżjoni ekonomika li l-Gvern preżenta f’laqgħa tal-Kabinett fil-Kamra tal-Kummerċ, l-istess Kamra kienet qalet li tinsab impressjonata u sostniet li l-prinċipji mħabbra mill-Prim Ministru huma ta’ serħan il-moħħ u jimxu id f’id mal-viżjoni li għandha l-istess Kamra tal-Kummerċ għall-futur ta’ pajjiżna.
Madankollu għal Delia, din kienet viżjoni bla sustanza u kkupjata mill-Oppożizzjoni.
“Il-ħames punti illi qal, jiġifieri tant kienu bla sustanza, mhux imlaħħmin, li deher ċar dan, li qabduhom minn fuq id-dokument tagħna u tefgħuhom fuq gazzetta.” Stqarr Delia.
Delia kompla jgħid li min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista għandu direzzjoni ċara għal pajjiżna.
Huwa qal, “U aħna b’ċertezza d-direzzjoni tagħna hija ċara.”
Delia qagħad attent li ma jidħolx f’battibekki mal-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech.
Dan anki għaliex il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista għad trid tikkonkludi l-proċess ta’ due diligence u evalwazzjoni taż-żewġ kandidati li diġà bdew iduru mat-tesserati jitolbuhom il-vot, fl-eqqel ta’ taqbida oħra fil-Partit Nazzjonalista.