Ikun xi jkun ir-rizultat tal-vot ta’ fiduċja, Adrian Delia se jibqa’ Kap Nazzjonalista u se jgħaddi lill-Partit Nazzjonalista minn ġon-nar.
Hekk iddikjara l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista li saritlu fuq il-programm Net Television fl-istess jum li l-kunsillieri Nazzjonalisti bdew jivvotaw jekk għandux jibqa’ fit-tmexxija tal-partit.
Jumejn qabel il-kunsilliera nazzjonalista jkomplu jivvotaw dwar il-futur tiegħu, f’botta ċara lejn il-fazzjoni ta’ Busuttil, Delia qal li numru ta’ kunsilliera qalulu li ma jafux x’inhu jiġri u kien hemm min staqsih jekk hux se jikkontesta ma’ xi ħadd.
F’intervista ta’ siegħa, Delia attakka lil fazzjoni Busuttil. Sejħilhom bħala l-ftit fil-Partit Nazzjonalista, li jaħsbu li jafu ħafna.
Adrian Delia fiduċjuz li se jirbaħ il-vot tal-kunsilliera Nazzjonalista, qal li wara s-Sibt, min qiegħed fil-Partit, irid isegwi il-linja li joħroġ il-Partit.
B’referenza għal fazzjoni Busuttil , Delia innota t-tfixkil li skontu għamlet din il-fazzjoni.
Ftaħar bix-xogħol li għamlet l-oppozizzjoni nazzjonalista kemm ilu Kap u li skontu għamlet xogħol tajjeb ħafna.
Iżda fl-stess ħin Delia innota li l-oppożizzjoni mhix magħquda.
Adrian Delia, li tul il-programm wera biċ-ċar li se jibqa’ Kap qal irid jara b’kemm se jkun in-numru li jirbaħ bih.
Delia beda jilqa’ għar-rizultat tal-vot tas-Sibt. Dan għaliex il-fazzjoni Busuttil qiegħda tfakkru fl-appoġġ ta’ aktar minn sitta u disgħin fil-mija li kisbu Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi meta sejħu vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tagħhom.
Adrian Delia, li wassal lill-partit nazzjonalista għall-ikbar telfa elettorali qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’agunija.
Minkejja li tkarrab għall-voti tal-kunsilliera nazzjonalista, Adrian Delia qalilhom li la hu u lanqas Louis Galea, li tqabbad biex jagħmel riforma fil-Partit, mhu se jirnexxilhom jagħmlu bidla fil-Partit Nazzjonalista, li tliet snin oħra jrid imur għal test elettorali ieħor.