Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kompla jkun negattiv u nfexx jattakka l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Prim Ministru nhar it-Tnejn li għadda.
Delia uża kliem iebes fil-konfront tal-Gvern, għall-miżuri li tħabbru biex jgħinu lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Fuq l-istazzjon tiegħu, Delia iddeskriva l-għajnuna mogħtija, bħala mod kif il-Gvern iġib il-voti lejh.
Delia stqarr: “Qed partatlek l-għajnuna kontra l-vot.”
L-akbar injezzjoni ekonomika fl-istorja ta’ pajjiżna, ta’ disa’ mitt miljun ewro, Delia ma ġerrahiex u minflok qal li l-Gvern qed iqassam il-loqom.
Delia sostna: “Mhux jagħti l-handouts biss.”
Intant, meta mistoqsi dwar riformi li qed isiru fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni li jmexxi hu mhux qed tastjeni u qed tipparteċipa.
Iżda meta mistoqsi dwar il-fatt li l-Oppożizzjoni mhux se tipparteċipa fl-iskrutinju parlamentari fuq il-kandidat riferut għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, Delia qal li dan qed jagħmlu għax m’għadditx tiegħu meta propona li l-ogħla tal-kariga fil-korp timtela’ biż-żewġ terzi.
Il-Parlament diġà approva proċess trasparenti li jmur lil hinn minn dak li qalet il-Kummissjoni Venezja, hekk kif il-Prim Ministru reħa l-poter minn idu u ma għażilx hu l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.
Fil-fatt kienet il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li hemm qbil dwarha bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, li għarblet il-kandidati u niżlet għal tnejn il-persuni l-aktar idonji għall-ogħla kariga fil-Korp.
Wara li l-kabinett irrefera lil Angelo Gafà għall-Kummissarju tal-Pulizija, issa jmiss skrutinju parlamentari li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ ssostni li ma tidħolx għalih, għaliex skont Delia, Gafà se jiġi mistoqsi domandi bil-miktub minn qabel.
“U bil-miktub, minn qabel, mhux dak il-ħin. Biex vera jkun grilling”, kompla jgħid Delia.
Iżda dwar dan Delia huwa skorett hekk kif ingħad ċar li waqt l-iskrutinju parlamentari fil-kumitat tal-ħatriet pubbliċi, il-kandidat riferut se jiġi mhux biss mistoqsi domandi bil-miktub li jsiru minn qabel iżda d-deputati taż-żewġ naħat se jkollhom il-libertà sħiħa li jsaqsu li jridu waqt l-iskrutinju li anki se jkun imxandar fuq it-televiżjoni biex il-pubbliku jkun ħieles isegwi kollox.