L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, reġa’ sebaħ jibbottja lis-sit Lovin Malta, li ironikament is-sid tiegħu hu l-istrateġista tal-Partit Nazzjonalista Chris Peregin.
Ftit wara s-sebgħa ta’ filgħodu tal-Erbgħa, Delia tella’ fuq il-profil tiegħu ta’ facebook tiegħu, artiklu tat-Times li jirrapporta kif is-sit Lovin Malta kienu qed jitlob li l-każ li fetaħ kontrih Delia, ikun irtirat.
Ma’ dan l-artiklu, Adrian Delia kiteb: “Nistgħu nibqgħu naħlu l-ħin, iżda jekk mhux illum, għada jew mhux pitgħada, eventwalment trid toħrog il-verità kollha.”
Il-ġlieda bejn Delia u l-Lovin Malta hi xhieda oħra tal-qasma fil-Partit Nazzjonalista hekk kif l-attakk li fetaħ libell dwaru Delia sar ftit wara li Peregin ingħaqad fil-Partit Nazzjonalista.
Dan kien nissel rabja kbira fost il-fazzjoni ta’ Delia u Delia ddeċieda li jiġġieled bil-qawwi.
Skont ir-rapport tas-sit li fetaħ l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Delia kien f’kuntatt dirett ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija
Xi ħaġa li Delia ċaħad u beda proċeduri legali.
Proċeduri li sa issa għadhom fi stadju bikri anke għax inqalgħu iktar minn intopp wieħed.
Wara seduta fejn tal-Lovin Malta ma dehrux, Delia kien qal: “Ma marrux jiġbru l-posta reġistrata biex ma jiġux il-Qorti. Biex flok toħrog il-verità jibqgħu jitfgħu t-tajn. Dik serjetà!.”
Tajn li s-sostenituri tiegħu jemmnu li ġej minn dawk il-kwartieri fil-Partit Nazzjonalista li għandhom kuntatti sew ma’ dan is-sit.