L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr kif ma jagħmilx sens li wieħed jitkellem dwar rijabilitazzjoni jekk il-persuna ma tkun għamlet xejn ħażin.
Dan b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li stqarr li biex persuna tirritorna fil-Partit Nazzjonalista trid l-ewwel tkun rijabilitata.
Meta mistoqsi barra l-parlament, Adrian Delia stqarr kif biex partit politiku jilqa’ n-nies lura fi ħdanu m’għandiex tkun kwistjoni ta’ rijabilitazzjoni kif qal Bernard Grech.
Delia stqarr: “Rijabilitat … nimmaġina li xi ħadd ikun qed jirreferi fuq xi ħadd li jkun għamel xi ħaġa li tkun ħażina, b’mod ġenerali l-Partit jilqgħu ġewwa ħdanhom l-iktar firxa ta’ nies possibbli. Mhux kwistjoni ta’ rijabilitazzjoni.”
Fl-isfond li Delia hemm min fil-Partit ma jridx iħallih joħroġ għall-elezzjoni ġenerali, Delia qal li Bernard Grech qed juża r-‘rijabilitazzjoni’ sabiex jgħatti u jbenġel deċiżjonijiet politiċi li ser ikollu jieħu dwar lil min se jħalli joħroġ f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Delia sostna: “L-istatut tal-Partit Nazzjonalista fost l-oħrajn jipprevedi struttura ta’ kif issir preżentazzjoni, analiżi, eċċ tal-kandidati u jekk jissodisfa dawk ir-regolamenti sabiex ma jkunx hemm deċiżjoni politika ma narax illi m’hemmx il-proċess li jista’ jsir.”
Id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech li biex tidħol lura fil-Partit Nazzjonalista trid tkun rijabilitat, ħawdet ukoll lid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus li meta mistoqsi dwarha ripetutament baqa’ jirrepeti li l-Kap kien ċar biżżejjed.
Dan għalkemm kien evidenti li lanqas hu ma kien jaf minn xiex Bernard Grech qed jistenna li l-eks membri mweġġgħin mill-Partit għandhom jirrijabilitaw ruħhom qabel jidħlu lura.
Meta kien mistoqsi: “Taqbel miegħu li jrid jirrijabilita lin-nies qabel jidħlu lura fil-Partit Nazzjonalista?”
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus stqarr: “Ifhimni, naħseb il-Kap ilbieraħ kien ċar, għamel stedina lin-nies ta’ rieda tajba li …”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Imma jirrijabilitahom minn xiex?”
Callus sostna: “Li … ismagħani .. il-Kap ilbieraħ … l-istedina tiegħu kienet ċara, kull min għandu interess li jara lil dan il-pajjiż aħjar milli hu …”
Il-Ġurnalist tenna: “Ma nafx kinitx ċara għalik però mhux tweġibni dwar dil-biċċa tar-rijabilitazzjoni.”
Callus qal, “Dik hija …”
Il-Ġurnalist reġa’ qal, “Ma tantx kienet ċara għax naħseb lanqas int ma fhimtha.”
Callus stqarr: “Dik interpretazzjoni tagħkom imma.”
It-Times ukoll irrappurtat bi prominenza d-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech u qalet kif Grech huwa lest jiftaħ il-bibien tal-partit biss għal persuni li huma rijabilitati.
Artiklu li kompla jżid is-saram ta’ Bernard Grech filwaqt li għawwar fil-ferità ta’ dawk li diġà huma mweġġgħin.
Sorsi qrib sew tat-tmexxija Nazzjonalista qalu ma’ ONE News kif dan l-artiklu ġie ppubblikat wara pressjoni kbira li saret mill-establishment Nazzjonalista li qed jiddettaw lill-Kap, tant li Bernard Grech kellu jagħmel tiegħu d-dikjarazzjoni tar-rijabilitazzjoni.
Dan għaliex il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għamlitielu ċara li ma jistax jitfa’ t-tort għal dak li ġara qabel, fuq min kien qed imexxi l-Partit Nazzjonalista.