Aktar reazzjonijiet wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li pajjiżna għandu jfittex joħroġ mill-pandemija biex immorru għall-elezzjoni.
Issa kien imiss lill-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia li ma ġibidx il-ħabel tal-Kap.
Fil-fatt tefa’ botta lejn Bernard Grech għall-insensittività li wera fil-konfront ta’ dawk fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija.
Delia sostna: “F’pandemija naħseb l-iktar ħaġa importanti hija s-salvagwardja tas-saħħa tan-nies u kull ġest illi wieħed jista’ jagħmel biex jissottolinea s-sagrifiċċji, aħna nsejħulhom front liners, ħafna drabi jkun hemm nies li aħna lanqas biss nirrikonoxxu bħala frontliners, ikunu qed jieħdu ħsieb l-qraba tagħhom, ikunu qrib dawk illi huma waħidhom, naħseb dawk għandhom jingħataw l-iktar importanza.”
Bernard Grech kellu r-raġunijiet tiegħu għala pajjiżna għandu joħroġ mill-pandemija.
Grech kien qal, “Aħna rridu li mill-aktar fiss possibbli, noħorġu mill-pandemija, ħalli mmorru għall-elezzjoni.”
Għal dan id-diskors ta’ Bernard Grech, bix-xufier ta’ Bernard Grech stess jissemma u joqgħod attent għal kull ħaġa li beda jlissen l-eks Kap Nazzjonalista, Delia qal li l-kummenti politiċi għandhom ikunu sekondarji meta nitkellmu fuq il-pandemija.
Delia tenna: “Minn barra minn hekk naħseb kummenti oħra huma biss politiċi u għandhom jieħdu s-sekonda istanza meta qed nitħaddtu fuq pandemija bħal din li ħalliet ‘il fuq minn 300 persuna vittma tagħha f’pajjiżna biss.”
F’botta ċara lejn Bernard Grech, Adrian Delia żied jgħid li kulħadd jaf li meta tiġi elezzjoni ġenerali hija prerogattiva unika tal-Prim Ministru.
Madankollu fid-dawl tal-kummenti ta’ Grech qal li tajjeb li jfakkar dan il-fatt magħruf.
Delia saħaq: “L-elezzjoni ġenerali hija prerogattiva unika tal-Prim Ministru, jiġifieri dik naħseb hija xi ħaġa li jafha kulħadd u tajjeb li nfakkruha.”
Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech sabet l-appoġġ ta’ deputati Nazzjonalisti bħal Karl Gouder u Jason Azzopardi.
Saħansitra l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius sfida lill-Prim Ministru.
Meta kienu mistoqsija minn ONE News: “Taqbel mal-Kap tiegħek li rridu noħorġu mill-pandemija kemm jista’ jkun malajr biex immorru għall-elezzjoni ġenerali?”
Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder wieġeb: “Iva mela naqbel mija fil-mija.”
Id-deputat Nazzjonalista David Agius stqarr: “Iva mela għaliex le. Inti ma taqbilx?”
Il-Ġurnalist ta’ ONE NEWS tenna: “Le, qed insaqsi lilek.”
David Agius qal, “Iġri Robert Abela jgħidilna x’qal illum ħa naraw x’se jagħmel.”
Filwaqt li Jason Azzopardi sostna: “Tkellem tajjeb ħafna l-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ, iva.”