Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li kien hu li wassal lil Bernard Grech fejn qiegħed illum.
Delia ddikjara dan f’intervista li kellu fuq l-istazzjon F Living fejn ma naqsux il-botti lejn il-fazzjoni li ma tridux Kap u qiegħda wara Bernard Grech.
Delia stqarr: “Nota fuq Bernard Grech, jien stess kont li xtaqtu jkun parti mit-team. Ridtu joħroġ għal mep, għamiltu kelliem, ridtu joħroġ għal elezzjoni jien. Il-kwalitajiet ta’ Grech għarafthom jien imbuttajtu u wasaltu sa fejn qiegħed illum, jien.”
Fil-programm partitarji Nazzjonalisti ċemplu fil-programm u wrew l-għadab tagħhom għal mod kif id-Deputati Nazzjonalisti ta’ Busuttil ħadmu kontra Delia, huma qalu:
- “Keep it up Dr. Delia aħna warajk.”
- “Għax ma jitkellmux dwar id-djun ta’ miljuni, la jsellmulek meta jarawk fit-triq. L-arroganti.”
- “Il-Partit kemm ilu li hemm int ħa ir-ruħ.”
- “Jien dejjem imxejt wara l-Kap tal-Partit u nħoss li għamlu huwa affarijiet li jagħmlulu lil kaptan tal-vapur. Jien lilu ħa nerġa’ nivvota.”
Wara dawn it-telefonati, Adrian Delia qal li d-deputati li issa qegħdin wara Bernard Grech ma jridux jisimgħu lit-tesserati.
Huwa saħaq: “Jekk deputat ma jridx jaħdem ma Kap, it-tesserati jgħidulu li ma tridx tismagħna.”
Delia qal li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, la darba mhux jirrispetaw lit-tesserati Nazzjonalisti, ara kemm se jirrispetaw lil poplu.
Delia sostna: “Aħseb u ara kemm jirrispettaw l-elettorat.”
F’botta li wara Bernard Grech hemm il-fazzjoni ta’ Busuttil, bl-esponenti tal-Occupy Justice u l-għaqda Repubblika wkoll warajh, Delia qal hekk dwar l-għażla tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Delia tenna: “Però le ma ridx li leader jintgħażel wara li tagħżlu s-soċjetà ċivili.”